Kultura Lokali

“Il-ħlasijiet għall-permessi se jiekluna” – dilettanti tan-nar

Diversi dilettanti tal-piroteknika bħalissa jinsabu inkwetati minħabba żieda fil-ħlasijiet li se jibdew jintalbu b’rabta ma’ permessi għall-ħruq tal-logħob tan-nar. Dwar din it-tema saret pressjoni fil-Parlament mid-deputat Edwin Vassallo, fejn Mistoqsija Parlamentari tiegħu wasslet biex ikun hemm konferma mill-Ministru tal-Intern li verament hemm dawn iż-żidiet.

Ħafna huma dawk id-dilettanti tan-nar li fl-aħħar jiem tkellmu dwar problemi kbar biex taħraq, għaliex il-permessi l-ġodda “jiekluk”.

Wieħed minn dawn il-pirotekniċi kiteb hekk fuq il-media soċjali: “Biex taħraq ħarqa ta’ 20 minuta tiġik €300 jekk ma tkunx festa pubblika jew il Ħadd. Qas salut għal xi hadd li jkun ħalliena m’għadek tista’ taħraq għax ifallik”.

Oħrajn fakkru kif dan ix-xogħol tan-nar jiddependi fuq il-volontarjat, u kif min-nar igawdi kulħadd – inkluż l-ekonomija u n-negozju.

Kien hemm dilettanti minn lokalitajiet differenti illi appellaw biex quddiem dawn iż-żidiet fl-ispejjes tal-ħruq “kulħadd għandu jingħaqad vuċi waħda”.