Id-deputat Nazzjonalista Kariol Aquilina għamel kritika qawwija dwar il-mod kif isir id-dibattitu parlamentari u sostna li fir-realtà l-parlament hu mejjet, nofs kedda u qed jitlef ir-rilevanza fid-demokrazija.
Fil-parlament Karol Aquilina qal li hu tajjeb li Għawdex jibqa’ dejjem distrett wieħed biex ikun rispettat il-karatatteristika ta’ Għawdex reġjun bi 30,182 votant.
F’Malta hawn 323,059 elettur b’26,922 f’kull distrett. Il-mozzjoni qed tipproponi bidliet fis-sitta u fl-10 distrett; din il-ħtieġa li bbażata fuq in-numri u fuq xejn iktar. Fis-sistema politika n-numri jingħataw prijorità u mhux l-identità tad-distrett. Din is-sistema qdiet tajjeb lill-pajjiż għal numru kbir ta’ snin.
Hu qal li llum hawn distretti li lanqas għadhom jagħmlu sens u staqsa għaliex hemm 13-il distrett; llum dawn għadhom rappreżentattivi tas-soċjetà Maltija?
Id-deputat Nazzjonalista kompla li n-nies llum ma jħossuhomx rappreżentati kif suppost u sostna li dan hu parlament “nofs kedda” għaliex id-deputati huma kollha part-time. Il-parlament lanqas jieħu bis-serjetà lilu nnifsu fejn hemm deputati li lanqas jaqraw il-liġijiet li qed jingħaddu.
Hawn liġijiet li ma jaqrhom ħadd, jgħaddu bl-iżbalji b’kollox u lanqas inkunu nafu l-effetti fuq in-nies, sostna Karol Aquilina, li qal li jkun hemm liġijiet li jinbidlu wara jumejn għaliex ikun fihom żbalji kbar.
Hawn deputati tad-drive-in li jieħdu l-onorarja u jitilqu waqt li hawn deputati li ma jitkellmux, ma jistaqsux u ma jipparteċipaw f’xejn; hawn deputati fantażmi…deputati bla opinjoni li qed jonqsu lejn l-eletturi li eleġġewhom, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Karol Aquilina kompla li jaqbel li d-deputati jkunu full-time iżda jaqbel ukoll li dawn jingħataw l-opportunità li jaħdmu part-time minħabba numru ta’ professjonisti li għandhom valur bħala deputati propju għax huma professjonisti prattikanti. Il-formola tad-distretti għandha issir iktar rappreżentatattiva, sostna Karol Aquilina, li qal li hu jaqbel li d-distretti jsiru fissi.
Id-deputat Nazzjonalista appella biex isiru diskussjonijiet kif ma jkunx hemm bżonn iktar mozzjonijiet ta’ bdil fid-distretti; dan hu logħob bid-demokrazija. Hu qal li jaqbel ma’ numru inqas ta’ distretti iżda jkunu distretti b’identità. Il-PN lest li jibda dawn id-diskussjonijiet.
Karol Aquilina qal li t-tibdil elettorali qed isir fl-aħħar sekonda; l-affarijiet m’għandhomx isiru b’dan il-mod. Dwar il-parlament hu qal li l-parlament hu tal-Gvern mhux tal-poplu għaliex iseħħ biss dak li jrid il-Gvern. Hu appella biex l-Oppożizzjoni jkollha iktar ħin biex tiddiskuti l-mozzonijiet tagħha u mhux darba kull sitt xhur.
Il-parlament għandu obbligu li l-parlament jippubblika x’ikunu qed jagħmlu d-deputati li għandhom ikunu responabilizzati kif isr fil-parlament Ewropew. Biex dan isir irid ikun hemm l-għodda għaliex hawn deputati part-timers li m’għandhomx riżorsi u ministri full-timers bir-riżorsi kollha.
Mal-liġijiet għandu jibda jitqassam ukoll memorandum ta’ spjega waqt li jsir servizz ta’ appoġġ għad-deputati. Inutli jkun hemm iktar nisa jew żgħażagħ jekk dawn se jkollhom l-istess diffikultajiet li għandhom id-deputati llum.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li d-deputati għandhom itellqu fuq kemm jaħdmu u sostna li jekk mhux se jittieħdu passi issa, il-leġiżlatura ta’ wara din se tiffaċċja l-istess problemi.
Din il-Kamra hi mejta fejn ikun hawn kulħadd meta jkun hemm xi vot kruċjali; u dan isir għax hawn il-whips għax kieku ma jkunx hawn żewġ terzi tad-deputati. Hi sitwazzjoni tad-daħk; ejja nsalvaw il-parlament għax dan se jmut mewta naturali, sostna Karol Aquilina, li qal li l-parlament qed isir irrilevanti għad-demokrazija.
//= $special ?>