Lokali

Il-PN Gvern alternattiv li għandu viżjoni għall-isfidi tan-negozji żgħar u medji

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi żjara spontanja fost is-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa tal-monti fil-Mosta

“Il-politika ssir b’diversi modi. Hemm dik li ssir waqt l-attivitajiet politiċi jew il-konferenzi tal-aħbarijiet. Izda jien nemmen li ħafna mill-politika ssir billi tiltaqa’ u tpoġġi u titkellem man-nies. Kif wegħedt mal-elezzjoni tiegħi bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista rrid nara politika fejn il-bniedem jiġi l-ewwel, u dan jista’ jsir biss billi tkun viċin tan-nies.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara spontanja fost is-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa tal-monti fil-Mosta fejn matulha tkellem ma’ bosta sidien tan-negozju fuq l-ideat u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur partikolarment quddiem l-isfidi li n-negozji żgħar u medji qed jaffaċċjaw kawża tal-pandemija.

Dan anke fid-dawl ta’ stħarrig ippubblikat mill-Kamra tal-SMEs li wera kif żewġ terzi tan-negozji żgħar u medji huma inkwetati li ma jkampawx fl-2021, partikolarment jekk il-Gvern ikompli jżomm il-karti tiegħu moħbija dwar xi pjanijiet għandu għall-ekonomija tal-futur. Tħassib li kien espress min-negozjanti li tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, b’appell biex il-Gvern jagħmel aktar għalihom u jispjegalhom x’se jiġri minn Marzu ‘l quddiem.

Fil-fatt, is-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa kkummentaw kif il-Gvern qed iżommhom fl-għama u għalhekk ma jistgħux jippjanaw jekk imqar hux se jżommu l-impjegati li għandhom jaħdmu magħhom.

Kif diga ghamel f’setturi diversi, bħal fis-settur tal-kirjiet li jmorru lura qabel l-1995 u issa fil-jiem li ġejjin permezz tat-tħabbir ta’ politika dwar l-enerġija li se tkun parti essenzjali mis-suċċessi li nistgħu niksbu fil-futur, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem u jiltaqa’ man-nies biex ikompli juri kemm hu gvern alternattiv li għandu viżjoni għal pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fil-Mosta Norvin Spiteri u mill-President tal-Forum SMEs Partit Nazzjonalista (FSMEPN) Julian Galea.