Lokali

Il-Pulizija tuża taser biex twaqqaf żagħżugħ f’attentat ta’ serqa

Żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Eritrea inżamm arrestat wara li nqabad fil-fatt jisraq minn residenza fil-Marsa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.30a.m. tat-Tnejn ft-Telgħa tal-Ġiżwita meta l-Pulizija kienet informata mir-residenti stess li ssuspettaw li daħal xi ħadd biex jisraq.

Malli waslu fuq il-post, il-pulizija wettqu tfittxija u raw raġel fil-bitħa u ordnaw lir-raġġel biex jieqaf. Minflok, dan qabad martell u beda jheddidhom bih.

Il-Pulizija taw l-ordni biex iż-żagħżugħ ineħħi l-martell minn idu iżda hu njora l-ordnijiet u beda jersaq fid-direzzjoni tagħhom. Kien hawnhekk li l-Pulizija kellhom jużaw taser biex jikkontrollaw lir-raġel sakemm arrestawh.

Is-suspettat ittieħed fil-lock tal-Furjana fejn minn tfittxija li saret fuqu instabet sustanza aktarx droga kannabis.

Iktar tard għall-ħabta tal-5a.m. iż-żagħżugħ ipprova jweġġa lilu nnifsu iżda twaqqaf b’intervent f’waqtu mill-Pulizija. Hu ttieħed l-isptar għall-kura meħtieġa. Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.