Lokali

Immigranti f’Monte Carmeli – MUMN tgħid li s-sitwazzjoni mhux aċċettabbli

Mill-Arkivji

Jissokta l-battibekk bejn il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) fuq naħa u l-Kummissjoni Refuġjati u l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fuq in-naħa l-oħra.

Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet l-MUMN ħarġet direttivi sabiex ma jitħallewx jiddaħħlu immigranti fl-Isptar Monte Carmeli hekk kif skont il-union, ħafna minn dawn l-immigranti qed iweġġgħu lilhom infushom sempliċement biex jinħarġu miċ-ċentri ta’ detenzjoni.

Din qanqlet reazzjoni kemm mill-Kummissjoni għar-Refuġjati kif ukoll mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali it-Tabib John Cachia. Fi stqarrija, it-Tabib Cachia qal li l-liġi Maltija tagħmilha ċara li s-servizzi ta’ saħħa mentali jingħataw mingħajr ebda diskriminazzjoni. Kompla li din id-deċiżjoni hi ta’ natura purament klinika u tvarja minn persuna għall-oħra.

Min-naħa tagħha, l-MUMN qalet li l-istqarrija tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali turi nuqqas ta’ responsabbilta’, xogħol investigattiv u attitudni laissez faire.

L-MUMN qalet li l-Isptar Monte Carmeli jixraqlu aħjar u l-aġir tal-immigranti fl-Isptar qed ipoġġi fil-periklu kemm l-istaff tal-infermieri iżda wkoll il-pazjenti l-oħra.

L-MUMN qalet ukoll li anki l-Aġenzija Ewropea tal-Ażil (EASO) innotat iż-żieda ta’ referrals fl-Isptar Monte Carmeli minħabba attentati ta’ suwiċidju minn immigranti b’uħud minnhom jagħmlu dan “bħala forma ta’ protesta biex jiġbdu l-attenzjoni għall-kundizzjoni tagħhom f’detenzjoni.”

Ikkummenta