L-importanza ta’ relazzjonijiet bilaterali dejjem aktar b’saħħithom bejn Malta u l-Awstrija ddominat il-laqgħa bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Ambaxxatur Awstrijak għal Malta Andreas Stadler fid-Dar Ċentrali.
Bernard Grech qal li hu importanti li ż-żewġ pajjiżi jibqgħu jaħdmu qrib xulxin, partikolarment minħabba li t-tnejn huma Stati Membri fl-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Awstrijak qal li għalkemm Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea disa’ snin wara l-Awstrija, l-impenn ta’ Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej jinħass ferm, partikolarment dwar temi importanti bħall-immigrazzjoni fil-Mediterran u l-ambjent.
Iż-żewġ naħat għamlu referenza wkoll għall-politika barranija komuni, partikolarment li ż-żewġ pajjiżi jħaddnu l-politika ta’ newtralità.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight.
//= $special ?>