Lokali Qorti

Kumpanija Taljana ordnata tħallas lura depożitu bl-interessi wara li ma onoratx l-obbligi tagħha

Il-kumpanija Eraclesofa Italia SRL li tinsab f’Catanzaro ġiet ordnata tħallas lura depożitu ta’ €400 mit-Tribunal tat-Tabiet iż-Żgħar wara li mara Maltija ordnat sufan li baqa’ ma wasal qatt.

Il-ġudikant Claudio Zammit ordna biex is-somma tingħata lil Lyndsey Fenech bl-interessi b’kollox. Hija kienet ordnat sufan mingħand il-kumpanija fid-29 ta’ Ġunju 2017 u ħallset depożitu ta’ €400. fuqu. Kienet imwiegħda li s-sufan se jkun ikkonsenjat lilha f’Settembru 2018, iżda l-kumpanija naqset milli tagħmel dan.

Hi eventwalment qablet mal-kumpanija konvenuta li s-sufan għandu jitwassal minn l-aħħar ta’ April 2019, bil-kundizzjoni li skont ta’€300 ikun mogħtija lilha. Eventwalment is-sufan ma ġiex ikkunsinnat sad-data miftiehma.

Minkejja li baqgħet tipprova tikkuntattja lill-kumpanija Taljana dwar is-sufan, hija qatt ma ngħatat xi forma ta’ xi tweġiba. Kien għalhekk li talbet lil dan it-Tribunal sabiex jordna lill-kumpanija tħallasha €400 li kienet ħallaset inizjalment permezz ta’ depożitu fuq dan is-sufan.

It-Tribunal ikkunsidra wkoll li s-soċjetà kienet innotifikata fil-15 ta’ Ottubru 2019, iżda hija ma ressqet l-ebda risposta għat-talbiet ta’ Fenech. Fit-Tribunal ix-xerrejja ppreżentat diversi korrispondenza, kemm bl-imejl kif ukoll bil-midja soċjali messaġġi, fejn ilmentat dwar in-nuqqas ta’ kunsinna iżda ma ngħatat l-ebda risposta adegwata.

Għalhekk jirriżulta li l -kumpanija ma wasslitx is-sufan kif stipulat u Fenech għandha d-dritt li tirkupra s-somma li ħallset bħala depożitu.