L-Armata ta’ Myanmar fl-aħħar sigħat ħatfet il-poter f’dan il-pajjiż filwaqt li żammet taħt arrest lil Aung San Suu Kyi, rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi, flimkien ma’ mexxejja oħra li kienu eletti bil-mezzi demokratiċi.
Is-sitwazzjoni qed tidher ferm inċerta, bit-truppi jduru kontinwament fit-toroq tal-ibliet prinċipali u bis-sistemi ta’ komunikazzjoni mal-pajjiż jispiċċaw limitati għall-aħħar.
Intant, l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Armata ħabbar li ‘il-Kmandant militari ewlieni kien qed imexxi l-pajjiż’ fost il-konferma ta’ stat ta’ emerġenza fuq bażi nazzjonali li jidher li se jkun effettiv għal sena.
Il-pass allarmanti segwa r-rebħa elettorali emfatika ta’ Suu Kyi u meta l-Armata qed tinsisti li l-elezzjoni kienet ‘imtappna bi frodi’.
Min-naħa tagħha, Suu Kyi ħeġġet lis-sostenituri tagħha biex ma jaċċettawx is-sitwazzjoni ġdida u biex huma joħorġu jipprotestaw kontra l-kolp ta’ stat.
Suu Kyi anki preparat ittra waqt li kienet qed tistenna l-arrest ‘inevitabbli’ u li fiha sostniet li l-azzjonijiet tal-militar ‘dawwru lura ż-żmien (fi Myanmar) lejn l-era tad-dittatorjat.’
//= $special ?>