Lokali

Pass Politiku Importanti – Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista nnota u awgura l-ħidma t-tajba llum l-1 ta’ Frar lid-diversi politiċi Libjani li jinsabu fl-Isvizzera sabiex taħt il-proċess maghruf bħala Political Dialogue Forum, jaslu fi ftehim, fejn 75 membru tal-Libya Political Dialogue Forum jibdew jiddiskutu dwar il-futur politiku ta’ dan l-pajjiż ġar tagħna.

Permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Carmelo Mifsud Bonnici, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u Roselyn Borg Knight,
Segretarju Internazzjonali tal-PN, il-Partit Nazzjonalista awgura li jinsab qbil dwar persuni li jgawdu l-appoġġ sħiħ ta’ kull parti fil-formazzjoni ta’ Gvern ta’ transizzjoni. Proċess li jagħżel tlett persuni fil-Kunsill Presidenzjali u Prim Ministru.

Dan huwa pass politiku importanti ħafna, wieħed li għandu jkompli jwassal għall-paċi u l-istabbilta’ fil-poplu Libjan. Wieħed li għandu jgħin sabiex ikun hemm żvilupp demokratiku, soċjali, ekonomiku u kulturali. Wieħed li jassigura futur aħjar lil pajjiż li sofra tant f’dawn l-aħħar snin.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ viċin u jsostni kull sforz li jwassal għas-sewwa, temmet tgħid l-istqarrija.