Numru ta’ delegati Libjani qed jiltaqgħu f’Ġinevra, fl-Iżvizzera, bil-għan li jagħżlu l-mexxejja temporanji għal-Libja li qed tipprova tistejqer minn snin konsekuttivi ta’ gwerra u anarkija.
Il-laqgħa saret bis-sehem tan-Nazzjonijiet Uniti – b’din l-organizzazzjoni tinsisti bl-importanza li d-delegati u persuni oħra influwenti jirrispettaw l-impenji tagħhom biex isiru l-elezzjonijiet fil-Libja f’Diċembru li ġej.
Stephanie Williams, li fil-preżent qed taqdi r-rwol ta’ Rappreżentant tan-NU għal-Libja, fakkret lid-delegati f’Ġinevra li huma ‘iffissaw data speċifika’ għall-elezzjonijiet nazzjonali (f’pajjiżhom) fl-24 ta’ Diċembru. Hi insistiet li ‘dan l-impenn irid ikun onorat akkost ta’ kollox’.
Williams anki fakkret fid-diffikultajiet u l-isfidi tal-passat li għenu għal progress fid-djalogu politiku, bit-tama li l-Libja tibbenefika mill-ħidma u fejn tkun tista’ tħares lejn il-ġejjieni b’kuraġġ akbar.
Intant, in-NU se tkompli timpenja ruħha għal-Libja hi u taċċerta li l-komunità internazzjonali ‘tirrispetta d-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu fl-interess tal-pajjiż Afrikan’.
//= $special ?>