Lokali

“Sewwu s-sistema” – Il-Partit Nazzjonalista jisħaq għal riforma fil-ġustizzja

"Ejjew niftħu dibattitu serju dwar ir-riforma fil-ġustizzja"

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliema dwar il-Ġustizzja, Karol Aquilina u l-Viċi President tal-Parlament Ewropew, l-MEP Roberta Metsola sejjaħ lill-Gvern biex juża fondi disponibbli mill-UE biex ifittex isewwi s-sistema ġudizzjarja f’Malta u Għawdex.

Roberta Metsola qalet li ma nistgħux inħallu li s-sistema ġudizzjara tagħna tibqa’ tittiekel. In-nuqqas ta’ riformi, in-nuqqas ta’ attenzjoni u n=nuqqas ta’ responsabbiltà kollha wasslu għas-sitwazzjoni preżenti.

L-MEP saħqet li qed naraw dewmien inaċċettabbli fil-mod kif qed jitmexxew il-każijiet kriminali, kummerċjali u ċivili.

Il-prinċipjiu li l-ġustizzja li tasal tard hija ġustizzja miċħuda jibqa’ validu.

Metsola sejħet għal azzjoni u qalet li r-riformi jeħtieġu ideat ta’ stoffa u kuraġġ politiku, iżda anke fondi.

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew qalet li l-UE allokat fondi rekord permezz tal-pjan għall-Irkurpru u r-Reżiljenza, sabiex il-Membri Stati jtejbu l-istrutturi, fosthom dawk ġudizzjarji.

Minn naħa tiegħu Karol Aquilina, Kelliem għall-Ġustizzja qal li jeħtieġ proċess li jibda mill-qiegħ, riforma tas-sistema kollha.

Il-biċċa l-kbira tal-proċeduri huma antikwati u ħafna persuni qed ibatu.

Aquilina qal li r-rakkomandazzjonijiet li ngħataw speċifikament lill-Gvern Malti jindikaw il-ħtieġa li ntejbu l-kapaċità istituzzjonali biex titjieb is-sistema ġudizzjarja.

Issa huwa ż-żmien li tittieħed azzjoni. Din mhijiex xi kwestjoni ġdida. Għandna bżonn minn sempliċi tibdiliet kożmetiċi, qal Aquilina.