Raġel ta’ 48 sena minn Buġibba ġie kkundannat 10 snin ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri fl-involviment tiegħu fit-traffikar ta’ droga kokaina u kannabis. Huwa ġie mmultat ukoll €32,000.
Brian Godfrey Bartolo li huwa magħruf sew mal-Pulizija fejn kellu każijiet oħra relatati mad-droga jinsab miexi fit-triq it-tajba u kien għalhekk qal l-Imħallef Giovanni Grixti li l-piena ma kinitx waħda ħarxa. Tant kemm għamel progress, li Bartolo anke studja u rnexxielu jikseb kwalifiċi akkademiċi.
Bartolo ammetta li fil-25 ta’ Jannar tal-2011, u fil-perjodu preċedendi kellu fil-pussess tiegħu u ittraffika r-raża tal-kannabis kif ukoll ftiehem ma’ persuni oħra biex tiġi ittraffikata l-imsemmija droga.
Bartolo ammetta wkoll li fl-4 ta’ Lulju 2009, u qabel, kellu fil-pussess tiegħu u ittraffika l-imsemmija droga. Mill-provi rriżulta li fl-ewwel qabda Bartolo kellu 981 gramma raża tal-kannabis b’purità ta’ 8.8% filwaqt li fit-tieni każ kellu 287 gramma kokaina b’purità ta’ 41.7% u 1,828 gramma kannabis b’purità ta’ 8.1%.
Il-Qorti Kriminali qalet li grazzi għall-isforzi li qed jagħmel f’ħajtu, Bartolo ħaqqu jibbenefika minn żewġ gradi fil-piena f’kull każ. Kien għalhekk li huwa ġie kundannat ħames snin ħabs għal kull każ u multa ta’ €12,000 għall-ewwel każ u €20,000 għat-tieni għal total ta’ 10 snin ħabs u €32,000 multa.
Il-Qorti ordnat ukoll lill-hati li jhallas l-ammont ta’ €1,947.36 fi spejjeż fil-ħatra tal-esperti u ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-oggetti kollha li dwarhom sar ir-reat u l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ kull flejjes jew proprjetà mobbli jew immobbli oħra tieghu;
Finalment, sakemm l-Avukat Ġenerali ma jindikax b’nota – li ghandha tkun prezentata fi żmien 15 il-jum mis-sentenza – li d-droga esebita hija meħtieġa in konnessjoni ma’ xi proċeduri kriminali kontra terzi persuni, tordna li d-droga kollha esebita u l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu magħha jkunu distrutti.
//= $special ?>

