Lokali Qorti

14-il xahar ħabs u multa ta’ €5,000 fuq feriment ta’ Surġent u Kuntistabbli

Libjan ta’ 34 sena li jaħdem bħala parrukkier ġie kundannat 14-il xahar ħabs u mmultat  €5,000 wara li ġimgħa ilu ammetta li fl-10 ta’ Jannar li għadda fil-Marsa mingħajr ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar fera ħafif lis-Surġent Gareth D’Amato u lill-Kuntistabbli Waylon Cassar.

Faraj Mohammed El Ragig minn Benghazi kien qal lill-Maġistrat Neville Camilleri li minkejja li jista’ jispiċċa l-ħabs fuq ammissjoni ma kienx se jmur lura mill-kelma tiegħu.  

Il-Libjan ammetta li attakka u rreżista bi vjolenza żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija, li heddidhom u nġurjahom bil-ħsieb li jbeżżagħhom, li ma obdiet l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kiser l-ordni u l-paċi pubblika.

L-Avukat Martin Fenech li deher għal Libjan talab lill-Qorti biex il-piena tkun fil-minimu possibbli u li dan kien inċident ta’ darba, waqt li kien ma’ sħabu fejn intilef minn sensih u li lanqas jaf x’ġara.

L-Ispettur Andy Rotin li ressaq lil El Ragig qal li din ma kinitx l-ewwel darba li l-ħati wettaq reati simili fuq Pulizija. Fil-fatt skont hu din hija t-tielet darba li ħebb għall-uffiċjali fil-Korp.

Huwa minnu qal l-Ispettur li huwa kkopera mal-Pulizija, iżda huwa fatt li l-Libjan għandu problema li jieħu sustanza llegali, l-aktar droga sintetika. Rotin qal li kull darba li l-Pulizija jmorru biex jgħinuh, dan jispiċċa jħebb għalihom.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha kkunsidrat il-fatt li l-imputat ammetta l-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu, iżda l-Qorti qalet qed tieħu konsiderazzjoni ta’ diversi fatturi, fosthom il-kondotta tiegħu u n-natura tar-reati.

Fir-rigward tat-talba tal-Prosekuzzjoni li tikkundanna lill-imputat għall-ħlas ta’ spejjeż li kellhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ esperti jew periti fil-proċeduri, l-Qorti ċaħdet it-talba peress li ma jirriżultax li gew imqabbda esperti jew periti fil-proċeduri.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet ukoll li skont l-Artikolu 383 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, qed torbot lil Faraj Mohamed Faraj El Ragig b’garanzija personali ta’ €2,000 għal żmien sena fil-konfront tas-Surġent Gareth D’Amato u l-Kuntistabbli Waylon Cassar.