Lokali Qorti

30 xahar ħabs fuq każ ta’ ‘snatch and grab’ fuq anzjana u serqa oħra

Il-Qorti laqgħet talba tal-avukat Martin Fenech sabiex żagħżugħ ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar li ġie kundannat 30 xahar ħabs biex jingħata l-għajnuna kollha sabiex jirriforma ruħu u jeħles darba għal dejjem mill-problema akuta li għandu ta’ droga.

Jehiel Falzon ammetta każ ta’ ‘snatch and grab’ li huwa wettaq fid-9 ta’ Jannar li għadda f’Ħaż-Żabbar stess fil-konfront ta’ anzjana ta’ 66 sena, u li l-għada seraq oġġett min karozza u li għamel ħsara fuq l-istess karozza, li ma teċċedix il-€200. Huwa ammetta wkoll li sar reċidiv.

L-Avukat Martin Fenech qal li Falzon għandu problema ta’ droga u li wettaq is-serq sforz il-vizzju li għandu. Tenna li jixtieq li jibdel ħajtu għax hu mhuwiex kriminal u talab il-minimu fis-sentenza li hija ta’ sentejn ħabs u biex fil-frattemp joqgħod għall-programm.

L-Ispettur Lydon Micallef li flimkien mal-Ispettur Stephen Gulia mexxa l-Prosekuzzjoni qal li Falzon ikkopera mal-Pulizija pero l-istess Qorti għandha wkoll tieħu inksiderazzjoni tat-trawma li għaddiet minnha l-anzjana meta ġiet misruqa.

Madankollu huwa qabel li l-ħati jingħata l-għajnuna kollha possibbli mill-problema tad-droga. L-Avukat Fenech talab ukoll lill-Qorti biex din tagħmel rakkomdazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs biex il-klijent tiegħu jingħata l-għajnuna kollha disponibbli, liema talba kienet ukoll milqugħa.

I-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputat ammetta l-akkużi kollha miġjuba fil-konfront u ħadet inkunsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom: il-fedina penali, n-natura tar-reati, l-ammissjoni bikrija tiegħu u kif ukoll il-fatt li l-imputat qed jitqies bħala li huwa reċidiv.

Fir-rigward tat-talba tal-Prosekuzzjoni fejn il-Qorti ġiet mitluba sabiex tikkundanna lil Falzon għall-ħlas ta’ spejjeż li jkollhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ esperti jew periti fil-proċeduri, Il-Qorti rabtet ukoll lil Jehiel Falzon b’garanzija personali ta’ €2,000 għal żmien sena fil-konfront tal-vittmi, liema żmien jibda jgħodd mill-ġurnata tas-sentenza mogħtija.