L-istazzjon tal-istat il-PBS ġie ordnat iħallas lill-eks Kap Eżekuttiv tiegħu John Bundy is-somma ta’ €226,489 f’kumpens wara li Tribunal Industrijali ddeċieda li tkeċċa inġustament.
Bundy tkeċċa fl-2017 wara li l-Bord tal-PBS permezz ta’ verdett unanimu kien sfiduċjah wara allegazzjonijiet li xiri ta’ karozzi għall-PBS kien kiser ir-regoli.
Bundy, dejjem ċaħad l-akkużi li kien għamel il-Bord fil-konfront tiegħu, u fittex lix-xandir nazzjonali fuq tkeċċija inġusta, fejn ngħata raġun. It-Tribunal Industrijali ddeċieda llum li t-tkeċċija ta’ Bundy kienet inġusta, waqt li nnota li l-Bord kien iddeċieda b’mod unanimu li huwa jitkeċċa saħansitra qabel kien ikkonkluda l-investigazzjoni tiegħu.
It-Tribunal innota wkoll li “numru ta’ persuni” kienu involuti fil-proċess tal-akkwist innifsu u ddeċieda li PBS u tefa’ kollox fuq Bundy għal din l-irregolarità amministrattiva li ħafna nies ‘f’karigi għoli kellhom sehem fiha.’.
Madankollu, qal it-Tribunal, l-akbar anomalija kienet li impjegat bil-kuntratt ma għaddix minn proċeduri dixxiplinari u minflok ġie mkeċċi mill-ewwel minn fuq il-post.
Għaldaqstant il-PBS kien ordnat iħallas lil Bundy € 226,489 f’kumpens u dan fi żmien xahar. Fix-xhieda tiegħu John Bundy kien qal li l-Board tal-istazzjon nazzjonali kien jaf b’dak kollox li hu kien qed jagħmel filwaqt li l-infieq minn naħa tal-Bord tad-Diretturi kienet il-kawża ta’ problemi finanzjarji fl-istazzjon nazzjonali.
Huwa kien aċċenna wkoll għall-fatt li numru ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-istess Bord ma kienux fl-interess tal-kumpanija. Bundy kien ingħata l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv mal-PBS f’Awwissu tal-2016 u tkeċċa f’Novembru tal-2017.
Fix-xhieda tiegħu Bundy kien qal ukoll li fost deċiżjonijiet li ma kienux fl-interess tal- kumpanija kienu li ċ-Chairman tal-Bord allegatament informa sitt pajjiżi li kienu se jipparteċipaw fil-“Junior Eurovision” ta’ Malta li l-PBS kienet se tħallsilhom li spejjeż kollha.
Dwar il-kiri ta’ karozzi John Bundy qal li l-Bord kien jaf b’kollox fuq dak li kien qed jagħmel u fil-fatt kien approvalu li jbiegħ l-karozzi antiki. “Ma naħsibx li xi “Chairman” jagħti l-approvazzjoni tiegħui biex jinbiegħu jew jiġu skreppjati l-karozza l-qodma, mingħajr ma jistaqsi għal xiri ta’ karozzi oħra għal kumpanija,” qal Bundy.
Meta ħa t-tmun tal-istazzjon f’idejh, qal li kien iltaqa’ ma’ ħafna dipartimenti tal-istazzjon biex jara x’kienu l-punti kruċjali li kien hemm fil-kumpanija, u kien moħħu kif kellhom jitjiebu l-affarijiet.
Il-każ tal-karozzi kien wieħed antik u kien qed joħloq ħafna nkwiet, qal Bundy. Huwa qal li kien talab li jsir meeting mal-kontrollur finanzjarju, il-procurement manager u s-sales manager biex tiġi riżolta s-sitwazzjoni.
Kien tenna li kien intwera’ dokument li wera kemm kienu jiswew biex wieħed iżomm il-flotta tal-karozzi u kemm kienet se tiswa’ il-liċenzja tagħhom. L-ispiża kienet telgħet għal aktar minn €24,000.
Huwa kien ipprova jesplora l-possibilita’ li jew jixtri, nkella jikri l-karozzi, iżda kienu tawh parir li x-xiri tal-karozzi ma kienux parti mill-ħsibijiet tal-kumpanija. Kien f’dawk iż-żminijiet qal li kien sema’ l-kumpanija kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli.
F’laqgħa li kellu ma’ wieħed mill-Managers, qal li proċess ta’ tender ma kienx l-aħjar mod, minħabba li dan kien se jieħu ħafna żmien. Huwa qal li kien insista li jiġbor aktar kwotazzjonijet minn kumpaniji li jikru l-karozzi.
//= $special ?>