Futbol Sport

Juventus b’sieq waħda fil-finali

(Ritratt: EPA)

Juventus rebħu l-ewwel leg tas-semifinali tal-Coppa Italia 2-1 barra minn darhom kontra Inter, bit-tieni partita tintlagħab il-ġimgħa d-dieħla. Inter fetħu l-iskor wara disa’ minuti meta minn kontrattakk veloċi kien LAUTARO MARTINEZ li tefa’ ġewwa mill-viċin fuq cross tajjeb ta’ Nicola Barella. Juventus ġabu l-iskor indaqs fil-25 minuta meta Ashley Young deher jiġbed lil Joao Cuadrado fil-kaxxa, bir-referee wara konsultazzjoni mal-VAR ordna penalty, biex minn ħdax-il metru CRISTIANO RONALDO ma żbaljax.

Juventus dawwru r-riżultat favur tagħhom meta wara nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn Bastoni u Handanovic, kien CRISTIANO RONALDO li wara li seraq l-ballun xeħet f’ lasta vojta. Fit-tieni taqsima, Buffon u d-difiża ta’ Juventus kienu strumentali biex it-tim imexxi minn Andrea Pirlo baqgħu iżommu r-riżultat hekk kif Inter żiedu l-pressjoni biex ifittxu l-gowl tad-draw.

COPPA ITALIA

Illum: Inter v Juventus 1-2 Għada: Napoli v Atalanta 8.45pm