Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Imtarfa ma nstabx ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit minħabba nuqqas ta’ provi li fis-16 ta’ Novembru tal-2017 għall-ħabta tal-5.15pm. huwa seraq €5,000 fi flus kontanti, li kienu f’envelope, minn karozza li kienet ipparkjata f’Tal-Pietà.
Jacob Rakban li huwa magħruf sew mal-Pulizija lanqas ma nstab ħati li għamel ħsara fuq l-istess karozza Honda Accord, liema ħsara ma tiskorrix l-ammont ta’ €250. Għaldaqstant huwa ma nstabx ħati wkoll li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ Probation ghal-tliet snin u li sar recidiv b’sentenzi mogħtija lilu mil-Qorti tal-Magistrati.
F’dan il-każ dak li ħareġ mill-provi hu li l-imputat kien fl-inħawi almenu eżatt wara l-allegat reat u dan ghaliex il-vittma identifikah li kien bilqegħda fuq bank faċċata ta’ fejn kienet il-karrozza u wara rah jitlaq fejn l-imputat ma kellu xejn f’idejh.
Irriżulta li nstabet marka tas-seba’ tal-imputat fuq il-parti ta’ fuq tal-ħġieġa ta’ wara u dan fejn giet sgassata. Irrizulta wkoll illi l-karozza kienet f’post pubbliku ipparkjata. Illi dawn l-indizzji għalkemm juru li Jacob Rakban kien mess din il-karrozza u kien fl-inħawi meta sar l-allegat reat, ma humiex biżżejjed sabiex ikun hemm il-konvinċiment morali li huwa responsabbli tas-serqa.
Dan ukoll peress li ma nstabux l-ebda impronta diġitali fl-intern tal-karrozza minkejja l-fatt illi l-envelop li allegatament insteraq kien f’post differenti minn fejn sar l-isgass u fit-tieni lok l-iskuża li ta l-imputat li seta’ serrah ma’ dik il-karrozza tista’ tagħmel sens għaliex jekk wieħed iserraħ fuq karrozza normalment sierraħ propju fejn instabu l-marki tas-swaba tal-imputat.
Il-Qorti wkoll ikkowotat numru ta’ sentenzi li tressqu mid-difiza fis-sottomissjonijieto rali f’dan ir-rigward u għalhekk tħoss illi l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha oltre d-dubju dettat mil-liġi. Ghal dawn il-mottivi ma ssibx lil Rakban ħati tal-akkużi kontrih stante li ma gewx ippruvati.
//= $special ?>

