Basketball Sport

Rebħa konvinċenti għal Starlites GIG

(Ritratt: Trevor Sollars)

Colin Schembri

Starlites GIG 110

Gżira Athleta 82

(24-13)(23-22)(26-22)(37-25)

Starlites GIG: A. Felice Pace 14, J. Zammit 3, R. Bonnici 20, I. Felice Pace 2, M. Formosa 2, M. Scerri 11, B. Jefferson 22, T. McConico 28, A. Xuereb 2, R. Ahearn 6

Gżira Athleta: D. Labossiere 10, D. Parmer 10, F. Mifsud Bonnici 3, L. Stefanovic, S. Galea 3, N. Xuereb 11, M. Gouder 9, S. Vincic 2, D. Causwell 34, N. Bukva.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Daniela Torok

Starlites GIG ikkonfermaw il-qawwa tagħhom meta għelbu lil Gżira Athleta 110-82 f’partita fejn is-shooters tagħhom kienu f’ġurnata ta’ grazzja hekk kif għamlu 17 -il three pointer fosthom sitta ta’ Robert Bonnici li jikkonferma wkoll is-saħħa tal-bank li għandu Pawlu Ferrante. Iż-żewġ timijiet ippreżentaw ukoll it-tielet Amerikan tagħhom fejn għal Starlites kien hemm id-debutt ta’ Bryan Jefferson u Athleta rreġistraw lil David Labossiere. Ryan Carabott kien nieqes għal Starlites u Athleta kienu mingħajr Pablo Cefai. Starlites mal-ewwel fetħu vantaġġ ta’ 10 punti kmieni fil-partita meta waslu l-ewwel trippli minn Matthew Scerri u l-Amerikan Travis McConico. L-ewwel punti tal-Athleta ġew mid-debuttant Labossiere flimkien ma’ Dedrain Parmer biex naqqsu d-distakk għal sitt punti 16-10. Hawn Starlites għamlu 8 punti oħra bit-trippli minn Scerri u Bonnici biex temmew l-ewwel sessjoni 24-13 minn fuq wara  trippla ta’ Francesco Mifsud Bonnici għall-Athleta. Fit-tieni perjodu l-andament tal-partita baqa’ l-istess hekk kif kien Jack Zammit li kellhu żewġ three pointers u żewġ baskets biex Starlites kabbru l-vantaġġ għal 17 -il punt 36-19. Athleta ppruvaw jirkupraw u kellhom run ta’ 11-4 fosthom trippla ta’ Sean Galea u waslu sa’ 10 punti ‘l bogħod. Huma komplew jagħfsu bi trippla ta’ Nathan Xuereb però kienu Starlites li għamlu l-aħħar ħames punti tat-taqsima, kollha minn McConico biex daħlu jistrieħu 47-35 minn fuq.

Il-ftuħ tat-tielet sessjoni kien maqsum bejn iż-żewġ timijiet hekk kif Starlites fetħu bi trippla ta’ Bonnici u basket ta’ Robert Ahearn u Athleta kellhom run ta’ 9-0 bejn Parmer, Matthew Gouder u Dylan Causwell. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet bi break ta’ 7-2 u aktar ‘l quddiem b’sensiela ta’ three pointers minn Alec Felice Pace u Jefferson li rawhom itemmu l-perjodu 73-57 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, żdiedu t-three pointers ta’ Starlites fosthom erbgħa ta’ Bonnici u tnejn minn McConico għal skor ta’ 97-70. Għall-Athleta Causwell kien l-aktar attiv però basket ta’ Jefferson għaqqad il-mitt punt għal Starlites. Sa’ tmiem il-partita kien hemm ċans ukoll għall-punti mill-players Alex Xuereb u Matthew Formosa biex il-players kollha ta’ Starlites niżżlu isimhom fil-lista tal-iscorers hekk kif huma rebħu l-partita 110-82.

Mellieħa Libertas 69

Bupa Luxol 47

(19-13)(14-8)(14-17)(22-9)

Mellieħa Libertas Spalding:  M. Falzon 2, V. Jandric 30, D. Camilleri 2, M. Fabri, I. Bonett 9, M. Gauchi Montaldo 3, K. Skrabec 16, M. Azzopardi, P.Shoults 7.

Bupa Luxol: J. Cefai, K. Gauchi, P. Engelbert 11, N. Buhagiar 5, E. Caruana Montaldo, JP Schembri 6, L. Trapani, I. Pace 3, O. Sangare 4, S. Cappello 18.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Malek Hraisha

Mellieħa Libertas kisbu t-tieni rebħa tagħhom fil-kampjonat meta għelbu lil Bupa Luxol 69-47. Luxol kellhom lill-Amerikani Kyree Elder u Arsenio Arrington neqsin hekk kif kienu fi kwarantina mandatorja minħabba l-Covid 19. Il-club jidher li għamel talba biex il-partita tkun posposta, liema talba kienet rifjutata minn Mellieħa fuq bażi tal-protokoll maqbul bejn il-clubs, deċiżjoni li ġabet rabja mill-club ta’ St. Andrews. Mellieħa kellhom lura lil Peter Shoults però l-Amerikan Julius Brooks kien nieqes b’injury. Wara li Luxol għamlu l-ewwel basket minn Stefan Capello, Mellieħa wieġbu bi trippla ta’ Vukassin Jandric u l-punti ta’ Isaac Bonett biex marru 9-5 minn fuq. Luxol kellhom trippla minn Isaac Pace u basket ta’ Naz Buhagiar biex għamlu l-iskor indaqs però hawn Mellieħa għamlu run ta’ 10-2 b’punti minn Klemen Skrabec u Mirko Azzopardi fost l-oħrajn u temmew l-ewwel taqsima 19-13 minn fuq. Fit-tieni perjodu, kien hemm aktar punti minn Bonett u Jandric b’dan tal-aħħar jagħmel it-tieni three pointer tiegħu. Wara risposta minn Luxol permezz ta’ Philip Engelbert, waslu l-ewwel punti minn Shoults flimkien ma’ żewġ baskets oħra minn Skrabec u Jandric biex Mellieħa daħlu jistrieħu 33-21 minn fuq.

Wara l-intervall, Luxol fetħu b’sitt punti mingħajr risposta b’żewġ baskets ta’ Engelbert u ieħor tad-debuttant Franċiż Ousman Sangare. Mellieħa wieġbu bi break ta’ 7-0 minn Jandric u Bonett u għal xi ħin iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex Mellieħa żammew vantaġġ ta’ 11 -il punt 43-32. Luxol kellhom break ieħor qasir ta’ 6-0 fosthom trippla ta’ Buhagiar però kienu Mellieħa li kellhom l-aħjar tmiem għat-taqsima bl-aħħar erba’ punti minn Skrabec u Shoults għal skor ta’ 47-38. Fil-bidu tal-aħħar perjodu Mellieħa ħasdu lil Luxol bi 12 -il punt mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Jandric flimkien ma’ Skrabec u Shoults. Luxol waqqfulhom din ir-run b’basket ta’ Capello però Mellieħa għamlu 8 punti oħra mingħajr risposta. Il-partita għalqet bl-aħħar punti tal-vjola minn Capello, Engelbert u trippla ta’ Isaac Pace hekk kif kienu Mellieħa li ħarġu rebbieħa 69-47.