Francis Sant, residenti l-Bidnija, kien ftit metri l-bogħod mill-karozza misjuqa minn Daphne Caruana Galizia meta sfat maqtula. “Kont qed isuq lejn il-Bidnija għall-ħabta tat-3.00 pm. Hekk kif kont qed insuq fuq l-għoljiet, rajt karozza żgħira ġejja fid-direzzjoni tiegħi. Imbagħad f’daqqa waħda din bdiet tnaqqas.
“Ħassejt li kien hemm xi ħaġa kienet ħażina. Il-persuna fil-karozza deheret li kienet qed tippanikkja. “Bdejt nibiża’ u smajt ħoss żgħir, bħal logħob tan-nar. Imbagħad smajt twerżiqa kbira. Is-sitwazzjoni kienet ferm ħażina. Eżatt wara seħħet it-tieni splużjoni”.
Sant xehed fid-dettall fil-Qorti fuq dak li ġara. “Il-karozza tagħha ġiet lejja, għaddiet minn mal-ħajt u spiċċat fl-għalqa. Ippanikjajt u bqajt inkollat mal-isteering. Rajt partijiet minnha jinqerdu. Idejha rajtha ttir.
“Kienet terribbli. Imbagħad rajt id-demm … Indunajt li kienu partijiet umani. Ma stajt nagħmel xejn. Indunajt li kienet bomba. Lanqas stajt insejjaħ għall-għajnuna. Kienet daqshekk krudili.
“Ftit wara ġiet mara li kienet qed issuq. Kellha tfal fil-karozza tagħha. Għedtilha li kienet bomba u ċemplet għall-għajnuna. Imbagħad żagħżugħ, bid-dmugħ, niżel jiġri. Indunajt li kien iben Daphne Caruana Galizia. “
Sant kompla. “Aktar karozzi bdew ġejjin, fi triqthom mill-iskola. Waslu l-Pulizija. Għedtilhom li kienet bomba. Ma stajt nagħmel xejn, għidt biss li lil dawk tal-karozzi li kienu għaddejjin biex imorru ‘l bogħod”.
Qal li dak iż-żmien kien sejjer id-dar fil-Bidnija, ġej minn Tarġa Gap. “L-ewwel rajt il-karozza tagħha hekk kif ħadet it-triq prinċipali li bdiet tnaqqas. Hija kienet mxiet madwar 100 metru ‘l bogħod mill-isqaq tagħha u kienet sejra fid-direzzjoni lejn il-Mosta. “
Il-Prosekutur Keith Arnaud staqsiadwar ix-xufier mara li huwa tkellem magħha. Sant qal li kienet qed tiġbor lit-tfal mill-iskola, “sejra fl-istess direzzjoni bħas-Sinjura Daphne”.
Sant jgħid li Caruana Galizia kienet qed issuq karozza bajda, mhux dik tas-soltu. Hu ma għarafhiex f’dak il-punt. “Ma nistax nispjega għaliex, imma dakinhar kont qed insuq bil-mod ħafna.
“Normalment kont insuq aktar mgħaġġel, imma l-movimenti li rajt dakinhar b’xi mod ġegħluni naqqas u nieqaf. Ma nistax nispjega għaliex. Jien kont xi 30 metru bogħod”, huwa xehed fi kwiet taqtgħu b’sikkina fl-awla.
Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech fejn huwa qed jiġi mixli li huwa l-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-maġġoranza tax-xhieda kienu uffiċjali tal-Pulizija fit-Taqsima tal-RIU.
Caruana Galizia ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017 fi splużjoni li splodiet il-karozza tagħha waqt li kienet qed issuq ftit ‘il bogħod mid-dar tagħha wara li kienet għadha ħierġa.
Fenech jinsab akkużat b’kumpliċità fil-qtil tagħha, bil-middleman Melvin Theuma li ngħata l-proklama mill-istat jgħid li huwa għamel kuntatt mal- persuni li allegatament qatluha, u li kien hu li ħallsilhom flus f’isem Fenech.
It-tliet allegati qattiela, George u ħuh Alfred Degiorgio flimkien ma’ Vince Muscat, qed jiġu ġġudikati separatament. L-erba’ rġiel akkużati qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
Fl-aħħar seduta ġimgħa ilu, xehdu t-tifel ta’ Caruana Galizia, Matthew u l-investigatur ewlieni u Prosekutur, is-Supretendent Keith Arnaud. Iż-żewġ xhieda pprovdew xi punti mportanti.
Matthew Caruana Galizia ddeskriva bħala “big splash” dwar l-Electrogas li ommu kienet qed tippjana li tippubblika u qal li l-imejls imxerrda kollha indikaw li Fenech kien il-punt tat-tluq tal-konsorzju.
Keith Arnaud qal li messaġġi indikaw li Fenech kien qed jippjana li jaħrab mill-pajjiż qabel l-arrest tiegħu u kkonferma li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien bagħat messaġġ lil Fenech “Għandna bżonn nitkellmu, jien, int u K (referenza għal Keith Schembri)” f’Jannar tal-2019.
L-ewwel xhud kien l-Ispettur James Grech li qal li dakinhar tal-qtil hu kien xogħol stazzjonat is-CID. Kien infurmat li seħħet splużjoni fil-Bidnija u li x’hin wasal fuq il-post għall-ħabta tat-3.00pm. ġie infurmat kien hemm diġa’ membri tal-Protezzjoni Ċivili u li hu baqa’ hemm sakemm waslu l-esperti forensiċi.
Qal li wara mar għand il-Percius, li hija kumpanija li tikri l-karozzi, biex jieħu ċ-ċavetta tal-karozza Peugeot 108 li Caruana Galizia kienet tikri. Wara xehed il-kuntistabbli tal-Pulizija Roderick Vassallo.
Vassallo li kien xogħol dakinhar tal-qtil qal lill-Qorti li għadu kemm telaq mill-akkademja tal-pulizija Ta’ Kandia meta daħlet sejħa dwar splużjoni ta’ karozza bomba.
Vassallo mar fuq il-post u ra żewġ persuni jargumentaw fuq mowbajl. Kien iben il-vittma, Matthew li kien qed jargumenta ma’ raġel ta’ madwar 50 sena. “Aħna dħalna biex inwaqqfu l-argument,” qal ix-xhud.
Wara xehed l-Ispettur Antoine Cilia mir-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija li qal li kien irċieva telefonata fil-kamra tal-kontroll tal-Pulizija minn xhud li ra l-isplużjoni. Ir-rapport kien jgħid li raw persuna ġewwa il-karozza.
Cilia tenna li mar fuq il-post, fejn sab partijiet tal-karozzi u partijiet tal-ġisem imxerrdin mal-madwar. Huwa jgħid li uffiċjali oħra kienu qed jippruvaw jikkalmaw żewġt irġiel li kienu qed jargumentaw.
Dawn kienu Matthew Caruana Galizia u raġel bil-kunjom ‘Vella’. Caruana Galizia ma kienx qed jieħu pjaċir għax ir-raġel kien qed jieħu r-ritratti. “Kien hawn meta kelli l-ewwel ħjiel ta’ min tista’ tkun il-vittma,” qal Cilia. Ir-raġel l-ieħor kien irrabjat għax it-telefon tiegħu kien imkisser. “Ippruvajt nikkalmah, u għidtlu li Matthew Caruana Galizia kien għadu kemm tilef lil ommu.”
Cilia kompla jgħid li resaq lejn il-karozza sploduta. Is-saqaf tagħha kien maqtugħ u figura umana setgħet tidher fis-sit tax-xufier, maħruqa sew. Cilia jgħid li vettura tat-tifi tan-nar kienet se ssuq u tirfes fuq ċavetta tal-karozza. “Qbadt dik iċ-ċavetta. Kienet taqbel mal-vettura Peugeot. ” Il-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera, llum Imħallef,. mbagħad waslet fuq il-post.
Ix-xhud spjega lill-Qorti li kien ħejja rapport dwar dak li sab, li kien ippreżenta f’inkjesta mMġisterjali dwar il-qtil li oriġinarjament kien immexxi mill-Maġistrat (issa Imħallef] Anthony Vella.
Is-Supretendent Keith Arnaud talob xi nformazzjoni dwar ir-rapport. Cilia qal li kien għalaq il-post fl-inħawi tal-isplużjoni biex iżomm il-membri tal-pubbliku barra minnha. Kien hemm nies li jaħdmu fl-għelieqi fil-viċin, u li hu stess ħa ritratt tax-xena tad-delitt.
L-avukat difensur Marion Camilleri staqsiet lix-xhud meta kkompila r-rapport ta’ erba’ paġni, bCilia jgħid li għamel hekk ftit wara l-isplużjoni. Dwar min talbu jipprepara r-rapport? Cilia qal li kien l-Ispettur Kurt Zahra, li talbu jagħti aġġornamenti dwar l-uffiċjali involuti.
Cilia huwa mistoqsija jekk l-argument bejn Matthew Caruana Galizia u r-raġel li ħa r-ritratti rriżultax f’xi azzjoni tal-Pulizija. Huwa jgħid li mhux konxju ta’ dan.
Wara xehed is-Surġent Reuben Balzan li qal li dak iż-żmien kien stazzjonat fl-RIU. Fil-jum tal-qtil, saret telefonata fil-kamra tal-kontroll tal-Pulizija fit-3.00pm dwar karozza li kienet qed taqbad.
Balzan qal li mar lejn is-sit u qalulu waqt ir-rotta li n-nar kien ikkawżat minn splużjoni. Meta wasal, in-nar kien qed jiġi mitfi. Qal li ħa ritratti biex jippreserva x-xena, f’każ li l-karozza tkun imċaqilqa. Is-sit imbagħad ingħalaq permezz ta’ tejp tal-pulizija. Ix-xhud jintwera ritratt u jikkonferma li kien hu li ħadu.
L-Avukat Marion Camilleri staqsiet kif saret it-telefonata biex ġew infurmati, bix-xhud iwieġb li dan sar permezz tar-radju tal-Pulizija. Mistoqsi għaliex ħass li kellu jieħu r-ritratt.
Is-Surġent jgħid li għamel hekk għaliex ried li jkun hemm evidenza ta’ kollox. Jgħid li ħa ritratt wieħed biss u għamel l-aħjar li seta’ ħalli joħorġu lura mix-xena kemm jista’ jkun malajr, speċjalment peress li bdew jinġabru aktar nies.
Id-difiża tistaqsi għaliex Balzan ħa ritratt wieħed biss? Huwa qal li kien hemm nies oħra – pompieri, uffiċjali tal-RIU – fuq il-post. “Kont mgħaġġel ħafna, kien hemm ħafna ġenn,” kompla jgħid.
Uffiċjal ieħor tal-RIU, William Galea, ikkonferma x-xhieda mogħtija minn xhieda oħra dwar kif irċevew l-informazzjoni dwar l-isplużjoni, jgħid li għen biex jagħlaq it-triq u ra pompieri u ambulanza fuq il-post.
Il-Kuntistabbli Mario Farrugia qal li kien fil-bażi tal-Pulizija Ta’ Kandia dakinhar tal-isplużjoni. Qal li kien hemm “kommossjoni” ftit ‘il bogħod, iżda ma damitx mas-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal. Huwa qal li saq il-vann miż-żona. Huwa ħa d-dettalji tax-xufier u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza u għaddihom lis-superjur tiegħu.
Xhud ieħor kien Mario Vella li huwa r-raġel li kellu argument ma’ Matthew Caruana Galizia fix-xena tad-delitt. Vella qal li kien qiegħed għand ‘ironmongery’ fil-Mosta meta splodiet il-bomba.
Tenna li huwa jgħix viċin tal-familja Caruana Galizia u kienet bintu li ċemplitlu, minħabba l-biża’ li ġara xi ħaġa fir-razzett tagħhom. Vella mar lura u sab karozza li kienet qed taqbad, u żagħżugħ u uffiċjali jippruvaw jitfu n-nar.
“Tlaqt ‘il bogħod u ltqajt ma’ xi ħadd jismu Sant, li qalli li n-nies kienu maqbuda ġewwa.” Vella jgħid li ċempel lil ħutu u qalilhom biex jevitaw iż-żona. Imbagħad daħal fil-karozza tiegħu u staqsa lill-Pulizija jekk jistax jitlaq.
Huma qalu iva u bdew ineħħu t-tejp tal-Pulizija. “F’daqqa waħda żagħżugħ tela’ lejja. Huwa qalli, ‘ħadt ritratti ta’ omm ‘, u kien irrabjat.” Vella jgħid li l-Pulizija ħadu t-telefon u qallu li ma kienx hemm ritratti.
“Għedtlu, ‘hawn, ara għalik innifsek’. Huwa ħa t-telefon u farrku. Ma nagħtihx tort, għax kien irrabjat.” Vella jgħid li mbagħad avviċina lil Caruana Galizia u nqalgħet taqbida bejn it-tnejn, iżda ma kienet “xejn serja” u s-sitwazzjoni ma damitx ma kkalmat.
Vella qal li kien jaf il-familja Caruana Galizia. “Kont naf lilu bħala tifel. Kont nafhom bħala tfal. Kont anke għamilt xi xogħol għalihom id-dar. Dak iż-żmien, ma rrealizzajtx min kienet ommu,” qal Vella. I
l-Maġistrat talbet lil Vella biex jiċċara; kien jafhom jew ma jafhomx? Vella jgħid li iva, imma ma kienx jaf min kien ġewwa l-karozza. Kien jaf li kien Matthew Caruana Galizia? Vella jgħid li le.
“Huwa tkellem biss bl-Ingliż, bl-Ingliż diffiċli. Huwa offendini u baqa’ jgħid li ħadt ritratti ta’ ommu”, xi ħaġa li m’għamilx. Ix-xhud qal li l-Pulizija ħadu t-telefon imkisser u żammewh.
Dakinhar kien hemm uffiċjal tal-Pulizija u żewġ suldati. Vella jgħid li spiċċa b’xi grif żgħir fuq sidru u żewġ buttuni mqattgħin. Huwa qal li l-inċident waqaf hemm.
Wara tela’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Kurt Zahra bil-Qorti tordna li din tinstema’ bil-magħluq. Għal Yorgen Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran fil-waqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.
Fuq il-bankijiet tal-Prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali kien hemm preżenti Anthony Vella minflok is-solitu Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. Magħhom fuq il-bank kien hemm ukoll l-Avukat Jason Azzopardi f’isem il-familja Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni tissokta nhar il-Ħamis 11 ta’ Frar, fin-12.30pm.

