Tasal konferma oħra li l-Gvern m’hu qed joffri ebda soluzzjonijiet għan-negozji u l-ħaddiema li qed ibatu minħabba l-pandemija.
Stħarriġ li sar mill-Kamra tal-SME’s wera li 2 minn kull 3 negozji qed jibżgħu li se jkollhom jagħlqu l-bibien wara din is-sena. Dan kawża tal-impatt kbir li ħalla fuqhom il-COVID…u l-inċertezza li qed tirriżulta mill-istrateġija li qed jadotta l-Gvern ta’ Robert Abela, li mhux ikun ċar dwar x’se jiġri wara Marzu.
Affaċċjat b’dan kollu, il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri naqas milli jgħid eżatt x’tip ta’ soluzzjonijiet għandu l-Gvern għal dawn in-negozji ….u għan-numru kbir ta’ ħaddiema li jimpejgaw.
Mistoqsi minn dan l-istazzjoni dwar il-wage suppliment, Silvio Schembri ma offra ebda serħan il-moħħ x’se jiġri wara Marzu li ġej. Turija ċara tal-inċertezza li qed joħloq il-Gvern stess.
Intant, statistika li ħarġet mill-NSO uriet li f’Settembru li għadda, l-impjegati fuq bażi part time li dan kien ix-xogħol primarju tagħhom, naqsu bi kważi 10%. Dan meta wieħed jikkumparah mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Is-setturi l-iktar li ntlaqtu kienu dawk tal-akkomodazzjoni u tal-ikel… bi tnaqqis ta’ 1,415 post tax-xoghol.
Fl-aħħar jiem, l-NSO ikkonferma wkoll li n-nies bla xogħol f’pajjiżna issa jammontaw għal kważi 13,000 persuna.