Lokali

26 sena mit-traġedja tal-Um El Faroud

FIt-3 ta’ Frar 1995, 26 sena ilu, Malta nħasdet bl-aħbar li splużjoni abbord tanker Libjan li kien fit-Tarzna ta’ Malta biex isirlu xi xogħol ħasdet il-ħajja ta’ disa’ ħaddiema tat-Tarzna.

It-tanker Um El Faroud kien sorġut fil-Baċir Numru 3 meta, għall-ħabta tal-10.15pm, splużjoni fis-sezzjoni ċentrali wasslet għal dak li qatt ħadd ma stenna li se jiġri.

Seba’ mill-ħaddiema – George Aquilina, Charles Callus, Mario Hales, Simon Mifsud, Simon Pisani, Angelo Sciberras u Anthony Vassallo – mietu fil-post. Iż-żewġ ħaddiema l-oħrajn – Paul Seguna u George Xuereb – tilfu l-battalja mal-mewt ftit wara, fl-Isptar San Luqa.

Rapporti jgħidu li waqt li kien fl-Ambulanza, Xuereb kien staqsa lit-tim mediku x’sar mill-kollegi tiegħu.

Wara l-inċident, it-tanker kien iddikjarat bħala wieħed li ma jistax jintuża’ aktar kawża tal-ħsarat strutturali li ġarrab. Għaldaqstant, inżamm fil-Port għal tliet snin sakemm, fl-1998, kien deċiż li għandu jiġi mgħarraq f’Wied iż-Żurrieq biex almenu, jitgawda mill-għaddasa.

Biex id-disa’ vittmi jibqgħu mfakkra, mat-tanker kienet twaħħlet tabella b’ismijiethom.