L-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tas-7.30, uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ 3 ambulanzi kif ukoll diversi Pulizija ġew msejħa b’urġenza fi Triq il-Mosta, f’San Pawl il-Baħar.
Dan meta erba’ karozzi kienu involuti f’inċident tat-traffiku.

Irriżulta li kienet seħħet ħabta frontali bejn żewġ vetturi – Dacia Sandero misjuqa minn Taljan ta’ 29 sena u Kia Sportage misjuqa minn raġel Malti ta’ 60 sena li miegħu kellu mara ta’ 59 sena.
Fil-post kien hemm ukoll membri tal-Protezzjooni Ċivili li kellhom iqattgħu il-vettura tat-Taljan biex joħorġuh minnha.
Intant fl-inċident intlaqtu żewġ vetturi oħra. Il-vettura tal-koppja li ttieħdet l-isptar laqet karozza tat-tip Mazda Demio misjuqa minn raġel li mbagħad laqtet karozza tal-linja.
Intant id-Dacia, li kienet misjuqa mit-Taljan laqtet karozza tat-tip Chevrolet li kienet ipparkjata f’ġenb tat-triq u li bl-impatt spiċċat daħlet f’ħajt mal-ġenb.
Il-vetturi tal-persuni li ttieħdu l-isptar kif ukoll ix-Chevrolet sofrew danni estensivi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-mara u lir-raġel Taljan l-isptar għall-kura meħtieġa. Iktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li kellha ġrieħi ħfief, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li ndarab gravi. Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.
