Lokali

Għall-falliment tal-Gvern Laburista fl-immaniġġjar tal-iskart qed ikollu jħallas il-poplu – PN

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma l-falliment tal-Gvern Laburista fl-immaniġġjar tal-iskart u jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista li għal din l-inkompetenza qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tqis l-ambjent bħala pilastru
ewlieni fi triq ‘il quddiem għal pajjiżna u se tkun qed tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-ħarsien tal-ambjent u biex naraw li d-deċiżjoniijiet li jittieħdu llum jagħtu serħan il-moħħ lill-ġenerazzjoni t’għada. Hekk intqal mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali Karl Gouder waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-rapport tal-NAO fuq l-effettivita’ tal-immaniġġjar tal-iskart tal-plastik f’Malta.


Mir-rapport jirriżulta li filwaqt li l-poplu qed jagħmel sehmu fis-separazzjoni tal-iskart, l-Gvern Laburista naqas bil-kbir mill-obbligi tiegħu u jikkonferma kif pajjiżna mhux jilħaq il-miri nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, inkluż l-immaniġġjar tal-iskart tal-plastik. Dawn in-nuqqasijiet qed iwasslu biex jinkissru d-direttivi Ewropej relatati mal-immaniġġjar tal-iskart. Għaldaqstant it-tmexxija tal-Wasterserv għandha taghti l-fatti reali kollha u tibda taħdem bis-serjeta’ biex jingħata rendikont xieraq ta ħidmietha lill-poplu kollu.

Robert Cutajar qal li l-Gvern Laburista mhux kredibbli u ma jistax jitwemmen fil-pjanijiet tiegħu bejn l-2021 u l-2030 meta falla bi kbir fil-miri li stabbilixxa hu stess fil-pjan bejn l-2014 u l-2020. In-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ informazzjoni miġbura jikkonfermaw l-inkompetenza min-naha tal-Wasteserv u l-ERA. Huwa qal li l-legat tal-Gvern Laburista f’dan il-qasam huma biss in-nirien li seħħew fl-impjanti ta’ Sant Antnin u l-Magħtab, u 4 snin wara l-ħruq f’Sant Antnin in-nies għadhom qed jistennew il-verita’ x’kienet ir-raġuni u l-kaġun. Robert Cutajar qal li l-PN jinnota li l-ghażla tal-Maghtab biex jinbena l-inċineratur kien ivizzjat politikament, għax il-Gvern esprima ruħu qabel ma’ tlestew l-istudji ambjentali relatati u staqsa x’qed iżomm lill-Gvern milli jiftaħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Esperti għall-iskrutinju pubbliku u jgħaddi mill-proċess tal-iStrategic
Environmental Assessment (SEA) skont d-direttivi tal-Unjoni Ewropea. L-ghażla tal-Magħtab fissret ukoll nuqqas ta’ konsultazzjoni serja kif ukoll it-teħid ta’ raba’ li sal-lum għadha qed tinħadem mill-bdiewa.


Karl Gouder qal li l-ġbir tal-iskart u l-ħarsien ambjentali huma kwistjonijiet importanti għal kulħadd, b’effett dirett fuq il-komunitajiet u li jħalli impatt serju fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Huwa qal li fil-konsultazzjoni pubblika dwar Long Term Waste Management Plan 2021-2030, il-PN spjega fid-dettal il-proposti tiegħu dwar din l-iskema fejn jidħol lir-rwol tal-Kunsilli lokali. Il-PN jemmen li sabiex ikollna ambjent aħjar, u l-aqwa livelli ta’ riċiklaġġ dan għandu jsir id f’id mal-Kunsilli lokali, fejn l-amministrazzjoni u l-immaniġjar ta’ dan is-servizz għandu jibqa’ totalment f’idejn il-Kunsilli Lokali, b’standards u targets aċċettati minn qabel u b’għajnuna finanzjarja mill-Gvern sabiex dawn ikunu jistgħu jintlaħqu. Karl Gouder qal li l-komunità kummerċjali għandha tkun sieħeb strateġiku biex il-ġbir tal-iskart isir b’iktar ordni. Huwa qal li l-Kunsilli Lokali, li fil-lokalita’ għandhom persentaġġ għoli ta’ turiżmu u attività kummerċjali għandhom jiġu organizzati f’forum biex flimkien mal-Gvern u mal-entitajiet pubbliċi jaraw li dawn il-problemi tal-immaniġġjar tal-iskart jiġu eliminati.