Mhux biss Gvern b’fommu sieket quddiem problema li qed tolqot mijiet ta’ persuni, inkluż anzjani, u li tista’ twassalhom sabiex jispiċċaw barra fit-triq – imma issa anke l-Ministru responsabbli qiegħed jaħrab mill-ġurnalisti.
L-Erbgħa filgħodu l-Ministru tal-Housing, Roderick Galdes, ħalla lin-nies mingħajr tweġiba dwar x’ser jiġri minnhom ġaladarba huma jew l-għeżież tagħhom jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom …b’riżultat tal-kwistjonijiet marbuta mal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Net News kellu diversi domandi preparati għal Ministru Galdes wara li t-Tlieta naqas milli jghid x’soluzzjoni tanġibbli għandu l-Gvern Laburista għal dawn il-persuni …..għajr li semma’ ċensiment u studju b’rabta mal-każ, mingħajr ma offra soluzzjoni fil-prattika.
L-għada filgħodu….meta staqsejnih dwar dan iċ-ċensiment, minflok wieġeb ċar u tond biex iserraħ l-imħuħ tan-nies affetwati….huwa infexx f’attakk fuq il-media tagħna, għaliex stqarr illi kien jippretendi li l-cameras ta’ Net News iduru miegħu f’sit tal-housing li għadu qed jinbena l-pedament tiegħu – biex uża din l-iskuża ħalli ma jgħidx fhiex wasal iċ-ċensiment, jew saħansitra jekk bediex.
Dan filwaqt li ma lissen ebda kelma dwar x’soluzzjoni immedjata qed joffri.
Filwaqt li Galdes għamel priedka fuq il-puntwalità bil-għan li jiżgiċċa mill-mistoqsijiet, wera biċ-ċar li kien skomdu meta sab il-gurnalisti taghna ma’ wiċċu – bil-media ta’ dan l-istazzjon tasal fil-Qrendi ftit minuti wara d-9am minhabba l-ammont kbir ta’ traffiku li kien hemm fl-inħawi. B’Roderick Galdes, għal mument, jinsa li hu għandu l-karozza Ministerjali twasslu kullimkien mingħajr ħsieb fejn jipparkja.
Fl-aħħar jiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li l-Gvern huwa ta’ kulħadd u għandu jagħti widen lil kull wieħed u waħda minnha – għaldaqstant mingħajr ma jmiss il-jheddijiet tas-sidien, għandu l-obbligu li jassigura sistemi u akkomodazzjoni soċjali lill-persuni li qed jirriskjaw li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom minħabba l-kwistjoni tal-kirjiet.
//= $special ?>
