David Thake, PN
Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li l-Gvern qed jirriskja l-ekonomija għal tlieta min-nies; Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Fil-parlament David Thake qal li l-gvern qed jiggverna b’mod popolist fejn il-Gvern mhux jagħti kas tal-impatt tal-miżuri li qed jagħmel; aktar ua katr meta l-pajjiż jinsab f’nofs pandemija u t-turiżmu jinsab għarkubtejh.
Hu kompla li jekk il-Gvern irid jagħti xi ħaġa lura lill-ħaddiema, il-prijorità hi li jitneħħa l-inkwiet li l-pajjiż għandu quddiemu bil-Moneyval. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jidħak bin-nies bi ftit siegħat meta l-impatt tar-reputazzjoni ħażina tal-pajjiż tista’ twassal biex ikun hawn diffikultajiet fl-impjiegi.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pajjiż qed jirriskja li jingħata ħafna timbri negattivi; il-gaming fost l-oħrajn għandu mannara kbira fuq rasu. Il-Gvern Laburista jrid juri li Malta tħaddan il-valuri tal-UE, sostna David Thake, li qal li Konrad Mizzi missu ilu żmien twil akkużat.
Konrad Mizzi fetaħ il-kumpanija l-Panama biex jinsterqu l-flus; ħadd ma jemmen lil Konrad Mizzi għalhekk neħħewh mill-Grupp Parlamentari Laburista. Il-Gvern lest iniżżel lill-pajjiż taħt il-ħama basta jiddefenduh lil Konrad Mizzi.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern Malti għandu saħħa maż-żgħir; il-pajjiż qed jitlob li jingħata garanzija li mhux se jitħammeġ ismu. Hu qal li l-Prim Ministru Robert Abela ried jinfluwenza l-elezzjoni għal Kap tal-PN u għamel kuntatt dirett mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni biex ikun jaf dwar Bernard Grech.
Hu qal li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar għamlitha ta’ sensar fuq propjetà b’involviment ta’ Yorgen Fenech; liema propjetà ma nbiegħetx iżda Rosianne Cutajar xorta ħadet €48,000. Mhux magħruf jekk Rosianne Cutajar iddikjaratx it-€48,000 mad-Dipartiment tat-Taxxa.
David Thake qal li għall-Prim Ministru l-każ ta’ Rosianne Cutajar mhux problema u sostna li l-Gvern jaf x’għandu jagħmel biex il-pajjiż jgħaddi mill-Moneyval iżda ma jridx iwettaq dak li hemm bżonn.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern ma jridx li jara li jssir ġustizzja fuq Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Hu sostna li l-ex Prim Ministri Fenech Adami, Alfred Sant u Lawrence Gonzi ġġieldu d-dritt biex is-sistema ta’ tassazzjoni tkun deċiża minn Malta u ma tiddeċidhiex l-UE iżda issa l-Ministru tal-Finanzi qed jgħid li Malta se jkollha ċċedi dan id-dritt minħabba l-ex Prim Ministru Joseph Muscat.
//= $special ?>