UĦM Voice of the Workers ordnat azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex wara li l-gvern ma żammx kelmtu li jassorbi l-ħaddiema ta’ Steward Healthcare sal-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.
L-Unjin spjegat li għalhekk minn nhar it-Tnejn 1 ta’ Frar il-professjonisti li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet immexxija minn Steward mhux qed jaraw pazjenti ġodda u mhux qed jagħmlu follow-ups sakemm ma jkunux każijiet
urġenti.
Fi stqarrija ġie spjegat li fl-2019 meta l-UĦM kienet rebħet l-għarfien uffiċjali tal-ħaddiema ta’ Steward kienet minnufih talbet li dawn ikunu assorbiti mal-Gvern. Din fid-dawl tal-fatt li ġaladarba kienu qed jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ professjonisti bħalhom li huma impjegati malgvern, ma kienx ġust li jibqgħu jitħallsu inqas minnhom.
Dan filwaqt li ġie spjegat li f’Novembru li għadda l-gvern kien ikkommetta ruħu li jilqa’ din it-talba wara li l-UĦM kellha tirrikorri għal azzjonijiet industrijali. Il-gvern kien aċċetta li jassorbi dawn ilħaddiema u jagħtihom paga u kundizzjonijiet ugwali b’seħħ lura mill-1 ta’ Jannar 2019.
Il-UĦM spjegat li l-Gvern Laburista kien intrabat ukoll li l-proċess tat-trasferiment tal-ħaddiema kellu jsir sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda, “Madanakollu, dan ma seħħx. Fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar, il-UĦM
kienet tat ġimgħa oħra ċans lill-gvern biex isiru t-tibdiliet neċessarji. Għal darb’oħra, il-gvern reġa’ ma żammx kelmtu tant li lanqas biss wieġeb korrispondenza li ntbagħtet mill-UĦM.”
Għaldaqstant dan kollu wassal sabiex l-unjin tiddikjara tilwima industrijali u tieħu diversi azzjonijiet.
Il-UĦM appellat lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jagħti widen lil dawn il-ħaddiema u jwettaq dak li wiegħed biex dawn il-professjonisti li kienu minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-COVID-19 jiġu trattati bid-dinjità li tistħoqqilhom.
//= $special ?>