Lokali

Irrid nara li l-NAO jissaħħaħ billi jingħata l-poter eżekuttiv li jakkwista l-informazzjoni li jkollu bżonn – Bernard Grech

Appell biex l-NAO ikompli jaħdem fl-aqwa interess tal-poplu kollu

Il-Partit Nazzjonalista jħares lejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) u l-Awditur Ġenerali bl-akbar rispett għax hu strumentali fit-tħaddim tad-demokrazija ta’ pajjiżna.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi tmiem żjara uffiċjali lill-NAO u laqgħa mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u diversi Uffiċjali oħrajn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid jara lill-NAO jissaħħaħ billi fost l-oħrajn, bl-emendi meħtieġa fil-Ligi, jingħata l-poter eżekuttiv li jakkwista l-informazzjoni li jkollu bżonn.

Bernard Grech staqsa wkoll jekk l-NAO hux qed jinvestiga r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards dwar l-infieq ta’ fondi pubbliċi minn diversi membri tal-Gvern għal promozzjoni personali, filwaqt li saħaq li dan l-abbuż imur kontra r-rwol tal-Gvern li jinforma u mhux li jiddottrina.

Matul iż-żjara, il-Kap Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Mario de Marco, Therese Comodini Cachia u Beppe Fenech Adami, li hu wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi.