David Thake, PN
Id-deputat Nazzjonalista David Thake appella biex ikunu kkunsidrati l-liġijiet u jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex ikun assigurat li ma tibqax issir inġustizzja mal-missirijiet separati li ma jitħallew jaraw lil uliedhom għal perjodi twal.
Fl-Aġġornament tal-parlament David Thake qal ħafna familji jgħaddu minn diffikultajiet ta’ separazzjoni u sostna li jkun hemm każi fejn it-tfal jintużaw bħala għodda biex ġenitur jiċċaħħad mid-dritt li jgawdi t-tfal.
Hu indirizza l-aktar familji magħmulin bejn raġel u mara u qal li hawn wisq żwiġijiet li spiċċaw li fihom ħafna drabi fid-diżgwid il-missirijiet jispiċċaw bid-drittijiet tagħhom miċħuda.
Hu sellem lill-missirijiet li ilhom ma jaraw lit-tfal tagħhom għal snin twal u qal li jeħtieġ li l-parlament jikkunsidra il-liġijiet biex ikun aċċertat li l-ġenituri kollha li jistħoqqilhom jissejħu ġenituri jkollhom aċċess għat-tfal tagħhom.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li fil-COVID-19 is-sitwazzoni ggravata, partikolarment fejn kien hemm tfal li jgħixu mal-omm u allura kien hemm raġunijiet oħra li ħolqu problemi. Kien hemm problemi oħra fejn missirijiet tilfu x-xogħol u allura mhux jirnexxielhom iħallsu l-manteniment.
David Thake sostna li ħafna irġiel qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-manteniment u appella biex tintwera solidarjetà mis-soċjetà ma’ dawn il-missirijiet jew ommijiet. Is-soċjetà għandha responsabbiltà biex tgħin lil dawn il-persuni jgħixu ħajja diċenti.
Appell għal empatija ma’ residenti dwar parkeġġ
David Thake tkellem ukoll dwar il-fatt li karozza waħda llum mhix biżżejjed għall-karozzi u teżisti problema kbira ta’ parkeġġ. Hu qal li f’San Pawl il-Baħar hemm nuqqas ta’ empatija mil-LESA lejn is-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha r-residenti tal-lokal.
Hemm postijiet fejn bil-lejl jista’ jsir ipparkjar għaliex ma jkun qed joħloq l-ebda problema; il-LESA qed jibgħatu l-gwardjani fil-5 am. Jeħtieġ issir distinzjoni bejn ipparkjar perikoluż u ipparkjar ta’ karozzi f’postijiet li ma jkunx hemm perikli.
Id-deputat Nazzjonalista qal li ma jeżistix infurzar fuq nies li joħorġu l-iskart f’kull ħin tal-ġurnata, fosthom apparat domestiku u għamara. Is-soċjetà għandha tkun regolata iżda għandu jkun hemm empatija mal-persuni li m’għandhomx fejn jipparkjaw għaliex hu obbligu tal-Gvern li jipprovdi postijiet ta’ ipparkjar.
//= $special ?>