Lokali

Jesmark Scicluna jirbaħ unur prestiġġjuż fis-‘Sundance Film Festival’

Jesmark Scicluna - rebbieħ tal-Premju tal-Ġurija fis-'Sundance Film Festival'

Jesmark Scicluna, sajjied mis-Siġġiewi u l-protagonist ewlieni tal-film ‘Luzzu’ rebaħ unur prestiġġjuż f’wieħed mill-iktar festivals rinomati taċ-ċinema – is-Sundance Film Festival.

Scicluna rebaħ il-Premju tal-Ġurija għall-parti drammatika li ħadem fil-film b’direzzjoni ta’ Alex Camilleri.

‘Luzzu’ jittratta l-istorja ta’ sajjied li kellu jitlaq ix-xogħol u t-tradizzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ qablu u jirrikorri għas-sajd illegali biex jipprovdi għall-familja tiegħu.

Ritratt: Inigo Taylor

Meta ippreżentat il-premju, il-produttriċi Zeynep Atakan iddeskriviet il-film bħala wieħed li “jdaħħalna fi storja mqanqla u f’kuntest ferm ‘il bogħod minn dak turistiku li ħafna nafu dwar Malta. ‘Luzzu’ jurini emozzjonijiet onesti u jagħti stampa awtentika tal-isfidi li għandhom is-sajjieda.”

“Luzzu” hu l-ewwel film Malti li qatt intwera fis-Sundance Film Festival u qed jirċievi tifħir kemm mill-udjenzi kif ukoll mill-kritiċi taċ-ċinema b’rivisti internazzjonali bħal Variety u Screenplay ifaħħru it-teknika, it-tema u l-messaġġ ta’ dan il-film bl-ilsien Malti.