Lokali

Maltco tippremja lill-Aġenti għall-kisbiet tagħhom fl-2020

Il-kumpanija Maltco Lotteries ippremjat lil ħames Aġenti tagħha għal kisbiet differenti f’xogħolhom. Dan wara li l-kumpanija nediet proċess ta’ Retaila Management Systems (RMS) bil-ħsieb li tippremja lill-Aġenti.

Fost il-kriterji użati kien hemm il-prestazzjoni tal-bejgħ, iżda anke l-livell ta’ servizz mogħti lill-konsumatur, il-logħob responsabbli u l-prontezza fil-ħidma. Dwar din, hemm ukoll il-manutenzjoni tal-magni u kemm l-Aġenti jkunu aġġornati dwar il-logħob tal-kumpanija.

Il-Kategoriji u l-Aġenti rebbieħa għall-2020 huma:

  1. Diamond Category (Overall RMS Bonus Scheme Winner): Matthew Polidano, POS153 fil-Belt.
  2. Best Customer Service of the Year: Carmen Hili, POS146 fiż-Żejtun.
  3. Best Product Knowledge of Year: Craig Debattista, POS079 f’Ħal Għargħur.
  4. Best Responsible Gaming Retailer: Mary Doris Agius. POS326 f’Ħaż-Żabbar.
  5. Best Point of Sale Upkeep: Jean Paul Pace, POS382 fiż-Żejtun.

Fiċ-ċerimonja ta’ għoti ta’ premjijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Maltco Vasileios Kasiotakis esprima l-apprezzament tiegħu għas-servizz impekkabbli li jagħmlu l-Aġenti għall-kumpanija matul l-2020, minkejja l-pandemija. Hu spjega li l-RMS saret bil-ħsieb li l-Aġenti jingħataw faċilità fil-ħidma tagħhom ħalli jtejjeb l-esperjenza tal-logħob b’servizz superjuri f’ambjent san u responsabbli.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Operazzjonijiet Kummerċjali David Anthony Gatt qal li l-kumpanija trid tinkoraġixxi lill-Aġenti jkomplu jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jintlaħqu l-miri u jsegwu l-iskema tal-RMS. Hu ħabbar ukoll li skema oħra simili għall-Aġenti se tkun għaddejja wkoll fix-xahar ta’ Frar.

Fl-attività tkellem ukoll l-aġent Matthew Polidano, li rebaħ l-akbar premju. Hu qal li kien sorpriż li ngħata d-Diamond Category minkejja li l-Banka tal-Lottu tiegħu hi żgħira. Qal li dawn l-iskemi huma inizjattiva tajba u appoġġ għall-Aġenti biex itejbu l-bejgħ u jaqilgħu aktar kummissjoni.