Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fl-enerġija, il-prestazzjoni tal-Gvern fil-pandemija u x-xandir f’pajjiżna kienu t-temi li tkellem dwarhom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’intervista li xxandret fuq Facebook.
Bernard Grech qal li jrid ikollok pjan fit-tul fl-enerġija u l-PN se jkun qed iħabbar il-pjan tiegħu dwar dan fil-jiem li ġejjin. Hu tkellem dwar l-energija mill-idroġenu li jeħtieġ pjanar fit-tul, iżda l-pajjiż jista’ jibda jħares ukoll lejn enerġija mir-riħ li fl-aħħar snin it-teknoloġija fiha għamlet avvanzi kbar.
Mistoqsi dwar x’punteġġ jagħti lill-Gvern għall-mod kif immaniġja s-sitwazzjoni tal-pandemija, Bernard Grech qal li jagħti punteġġ ta’ sitta għax kien hemm deċizjonijiet li ma ttieħdux f’waqthom, filwaqt li ta punteġġ ta’ 7.5 lill-Covid Action Team tal-PN, li minkejja li m’għandux ir-riżorsi tal-Gvern, ħadem ħafna, iddiskuta u ħareġ bi proposti li għadda lill-Gvern.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar in-negozji, li bħalissa qed ibatu u qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jidħaq bin-nies u jitkellem dwar ‘ġenna tal-art’.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern irid isib mezzi kif jinċentiva lin-nies jinvestu f’negozji differenti, bħal meta uża l-proposta tal-Oppożizzjoni dwar il-vouchers, minkejja li għal bidu kien iddieħaq bil-proposta.
Bernard Grech insista dwar il-ħtieġa li ssir diskussjoni serja dwar il-paga minima, meta pajjiżna għandu 83,000 persuna f’riskju ta’ faqar. Madankollu, qal li l-implimentazzjoni trid issir fi żmien xieraq, fl-isfond tad-diffikultajiet li għandhom in-negozji f’nofs pandemija.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar ix-xandir f’pajjiżnau qal li s-sitwazzjoni llum hi li pajjiżna hu maħkum minn xandir Nazzjonali partiġġajn u li żgur mhux żmien li niddiskut l-għeluq tal-istazzjonijiet politiċi.
Bernard Grech wiegħed li l-PN fil-Gvern żgur jagħmel dak kollu possibbli biex l-istazzjon Nazzjonali jkun bilanċjat, filwaqt li esprima determinazzjoni li jsaħħaħ lil Net TV u Net FM
Dwar l-aħħar stħarriġ pubbliċi, Bernard Grech qal li hu sodisfatt bit-titjib, iżda se jibqa’ jistinka biex jirbaħ il-fiduċja ta’ aktar Maltin u Għawdxin.
U għall-mistoqsija dwar x’kienet l-akbar sodisfazzjon li kellu s’issa, kemm ilu Kap tal-PN, Bernard Grech qal li hu jħossu sodisfatt meta jara l-Partit jiffunzjona, jiddiskuti, jimxi ‘l quddiem u jiġġedded, b’aktar u aktar żgħażagħ jersqu lejn il-Partit. Żgħażagħ li lesti jġibu t-tibdil li jeħtieġlu l-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>