Jirriżultaw provi li l-power station tal-Electrogas kienet mifthiema mal-PL qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013; jiġifieri qabel kien elett il-Gvern Laburista.
F’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) kompla jkun diskuss il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas fejn xehed il-konsulent tal-Enemalta David Galea u l-Awditur Ġenerali li qal li kieku l-Gvern joħroġ mill-kuntratt tal-power station, ikollu exposure ta’ €417-il miljun. Jekk isir dan, ikun il-Gvern li jibda jopera l-impjant.
Għall-Gvern ipparteċipaw fil-Kumitat il-Whip Glenn Bedingfield, il-Ministru Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-deputat Laburista Ian Castadi Paris waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputat u President tal-PAC Beppe Fenech Adami u d-deputat Ryan Callus.
Il-konsulent David Galea, li kien il-Project Manager tal-proġett tal-power station tal-Electrogas, xehed li din il-kariga kienet waħda mill-iktar importanti fil-proġett u li hu kien jirraporta lill-Bord tad-Diretturi tal-Enemalta.
Hu qal li hu ħabib ta’ Konrad Mizzi sa mill-2001 u li kien ingħata diversi direct orders lill-kumpanija tiegħu Beat Ltd. Fl-2015 hu kien ingħata direct orders ta’ €43,000 fuq l-Air Malta, ingħata b’iktar minn €1 miljun f’kuntratti u direct order oħra ta’ €8,000 biex jeżamina propju l-kuntratt tal-Awditur li sar fuq direzzjoni taċ-Chairman tal-Enemalta.
David Galea kompla qal li hu kellu jipprepara rapport bil-kummenti u jagħti l-kummenti tiegħu fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Hu kompla li ma kellux x’jaqsam mal-Enemalta fl-2013 iżda kien mitlub minn Konrad Mizzi biex jagħti proposti għall-manifest elettorali Laburista dwar l-enerġija.
Beppe Fenech Adami qal li dan juri li l-impjant tal-power station kien diġà miftiehem minn qabel mal-konsorzju. Hu qal li minn qabel l-2013 il-PL diġà kellu f’idejh mudell kif għandha issir qabża fl-enerġija u staqsa jekk ix-xhud jiftakarx dwar dan.
David Galea qal li l-issue tal-gas skienet diġà pożizzjoni tal-gass u kienet saret power point presentation dwar dan. Ix-xhud qal li hu kien għamel xi ċifri u sostna li dak iż-żmien ma kienx jaf lil Keith Schembri.
Id-deputati Laburisti fil-Kumitat oġġezzjonaw bil-qawwi għal dawn il-mistoqsijiet għax sostnew li dawn huma irrilevanti.
Ix-xhud David Galea qal li wara l-parir lill-PL qabel l-elezzjoni tal-2013 kien is-Sur Giordimaina li avviċinah biex jagħti kontribut fl-Enemalta fil-proċess tal-power station. David Galea qal li hu nħatar Programme Director ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u sostna li kien jirrapporta lill-Kumitat responsabbli dwar direzzjoni strateġika.
Hu qal li l-mira kienet li l-power station titlesta fi żmien sentejn. Jirriżulta li fil-minuti li l-power station kellha titlesta sa Marzu 2015 iżda mill-ewwel laqgħat kien beda jattendi wkoll Konrad Mizzi, meta ma kienx membru.
David Galea kompla li l-Kumitat kien konxju li l-Kummissjoni Ewropea kienet pproponiet li l-ħażna tal-gass issir fuq l-art iżda ddeċieda favur ħażna fuq il-baħar minħabba kwistjoni ta’ periklu u minħabba li n-nies kienu jippreferu li l-ħażna tkun fil-baħar flok fuq l-art. Mill-minuti tat-13 ta’ Mejju, jirriżulta li r-raġuni wara l-ħażna fuq il-baħar kienet waħda ta’ żmien.
Il-Kumitat aġġorna għall-ġimgħa d-dieħla.