Knisja Kultura Lokali

Restawrata l-vara devota u artistika ta’ San Ġużepp fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq

F’din is-sena tant speċjali għall-Ġużeppini kollha ta’ madwar id-dinja, wara li l-Qdusija tiegħu il-Papa Franġisku ddikjara din is-sena bħala s-sena internazzjonali Ġużeppina, il-komunità ta’ Ħal Għaxaq ħadet ħsieb tibda bl-akbar ċelebrazzjoni possibli meta bejn it-23 u l-31 ta’ Jannar, ġie inawgurat ir-restawr u l-konservazzjoni tal-istatwa artistika u devota ta’ San Ġużepp, meqjuma fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.

Din l-istatwa kienet ġiet ikkommissjonata fl-1932 wara li nħasset il-ħtieġa li tinbidel l-istatwa antika ta’ San Ġużepp li fil-preżent tinżamm b’tant għożża ġewwa s-sede tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq.  Dak iż-żmien inbeda proċess ta’ konsultazzjoni bejn is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp u l-Fratellanza ta’ San Ġużepp tal-istess raħal u permezz ta’ rikors kien ġie deċiż li l-istatwa antika ta’ San Ġużepp għandha tibidel ma’ statwa oħra maħduma fl-injam. Din kienet ġiet ikkomissjonata mill-istess Sojċetà lill-kumpanja Fratelli Bertarelli fil-belt Taljana ta’ Milan. Kien fit-30 ta’ Novembru tas-sena 1932, meta din l-istatwa waslet f’Ħal Għaxaq, u ġiet irregalata lill-Fratellanza Ġużeppina mis-Soċjetà Mużikali San Ġużepp għall-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq. Din l-istatwa devota u artistika ħarġet proċessjonalment mill-Knisja tal-Għaxqin fis-7 ta’ Mejju 1933, fl-okkażjoni tal-festa li kienet issir ta’ kull sena fir-raħal. L-istil ta’ din l-istatwa devota huwa wieħed naturalista, imma romantiku tal-bidu tas-seklu għoxrin, stil imneżża’ mill-bombastiċità tal-Barokk. F’din ix-xbieha naraw statwa devota ta’ mħabba bejn il-missier u l-iben.

Matul dawn l-aħħar snin inħasset il-ħtieġa li din l-istatwa devota jsirilha intervent ta’ restawr u għalhekk il-kumitat tas-soċjetà Mużikali San Ġużepp flimkien mal-fratellanza Ġużeppina qablu u ħadmu fuq proġett sabiex din l-istatwa tkun kompluta minn kollox u ma tkun nieqsa minn xejn. Fis-sena 2008 ġew imżanżna l-bradella u l-bankun ta’ din l-istatwa, fuq disinn li kien sar 75 sena qabel minn Carmelo Tonna li kien għamel ukoll id-disinn tal-pedestall. Sena wara sar il-bankun u erba’ forċini ġodda biex jikkumplimentaw lill-bradella. Wara, fis-sena 2010, sar ir-restawr tal-gastri u nbidel ukoll il-ganutell tal-fjuretti minħabba l-ħsara li kellhom. Sitt snin wara kienet ġiet imżanżna l-girlanda l-ġdida ta’ fuq il-pedestall maħduma bil-ganutell, wara li nbidlet ma’ dik li kien hemm.

Issa kien imiss ir-restawr tal-istatwa u l-pedestall. Fis-sena 2018, il-Kavallier Michael Camilleri Cauchi flimkien ma’ ibnu Adonai, ġew avviċinati mill-kumitat tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp sabiex isir rapport fuq ir-restawr u x’għandu jsir lill-istatwa u l-pedestall. Wara li sar dan ir-rapport, inħareġ ir-rikors min-naħa tal-kurja sabiex ikun jista’ jinbeda x-xogħol minn dawn l-artisti jkun lest għall-festa tas- sena ta’ wara, jiġifiersi s-sena 2020. F’ Settembru tas-sena 2019, il-vara ta’ San Ġużepp ħalliet lir-raħal ta’ Ħal Għaxaq fi triqtha lejn il-gżira Għawdxija, dritt għall-bottega tal-artist Micheal Camilleri Cauchi u ibnu Adonai. Ix-xogħol tar-restawr u l-induratura l-ġdida tal-pedestall ġie kkomissjonat lill-Mario Camilleri Cauchi, flimkien ma’ uliedu Rueben u Austin.

Kollox kien ippreparat għall-festi l-kbar li kienu ser jiġu ċċelebrati fis-sena 2020 fl-okkażjoni tal-150 sena mid-dikjarazzjoni li San Ġużepp ġie maħtur Patrun tal-Knisja Universali. Sfortunatament kollox ġie kkanċellat minħabba l-pandemija li laqtet lil Malta u lid-dinja kollha. Il-kumitat tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp xorta waħda ma qatax qalbu u baqa’ jistinka u jaħdem sabiex l-istatwa devota ta’ San Ġużepp ikollha inawgurazzjoni dinjituża  u kif tassew jixraqilha. Minn meta l-Papa Franġisku ħabbar li s-sena 2021 kienet ser tkun is-sena internazzjonali ddedikata lil San Ġużepp, il-kumitat ħataf l- okkażjoni u ħadem qatigħ flimkien mas-Soċjetà Leone tar-Rabat Għawdex u l-Monsinjur Arċidjaknu u  Monsinjur Arċipriet tal-Katidral ta’ Għawdex sabiex l-istatwa ta’ San Ġużepp tiġi inawgurata bi privileġġ fil-Matriċi u l-Knisja Katidrali ddedikata lill-Assunta fil-Belt Victoria tal-gżira Għawdxija.

F’din iċ- ċelebrazzjoni li saret fit-23 ta’ Jannar, ġiet esegwita akkademja Mużikali ‘B’Qalb ta’ Missier’ mill-Banda San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Reno Busuttil bis-sehem tal-Kor Cappella Musicale Caeciliana u s-sehem tal-Baritonu Alfred Camilleri u s-Sopran Connie Frances Zerafa. Matul din l istess serata giet inawgurata l istatwa tant mahbuba ta’ San Ġużepp mikxufa mill-President ta’ l-Ghaqda Mużikali San Ġużepp, is-Sur Marvic Abela u l-Kapillan ta’ Ħal Għaxaq il-Kanonku Andrew Schembri. L-għada l-Ħadd 24 ta’ Jannar, saret quddiesa solenni mill-Kapitlu tal-Katidral flimkien mal-Kappillan ta’ Ħal Għaxaq, u wara dan, l-istatwa ta’ San Ġużepp tfaċċat fil-bieb prinċipali tal-Katidral ta’ Għawdex, merfugħa mill-fratelli Ġużeppini Għaxqin u milqugħa mill-Banda San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq biex taqbad triqtha lura lejn ir-raħal ta’ Ħal Għaxaq. F’dan il-mument inħaraq ukoll salut minn fuq l-għolja ta’ Gelmus taħt is-superviżjoni ta’ ‘Vampa organisations’. Matul dan kollu dejjem kienu osservati r-regolamenti li ħarġet is-Supretendenza tas-saħħa pubblika minħabba l-pandemija.

F’Ħal Għaxaq, l-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet armata għall-festa fuq il-bradella u l-bankun tagħha u fl-okkażjoni tas-sena Ġużeppina, inżammet ġimgħa għall-qima tal-pubbliku. Matul din il-ġimgħa saru wkoll numru ta’ katekeżi fuq dan il-qaddis. Iċ-ċelebrazzjonijiet waslu fi tmiemhom f’quddies solenni iċċelebrata mill-Kappillan ta’ Ħal Għaxaq flimkien mal-Kleru tal-Parroċċa u l-Monsinjur Joseph Sultana, Arċipriet tal-Katidral ta’ Għawdex. Għal din il-quddiesa attenda wkoll l-Eċċellenza Tiegħu Dr. George Vella, President ta’ Malta.

Din l-okkażjoni kienet ta’ stennija kbira mill-Għaxqin għaliex setgħu jerġgħu jaraw l-istatwa devota ta’ San Ġużepp lura lejn raħalha u fil-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq. Il-kumitat tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp flimkien mal-fratellanza u l-Kappillan ħadmu id f’ id sabiex setgħu jsiru dawn iċ-ċelebrazzjonijiet bil-miżuri ristretti mill-awtoritajiet, u tkun imħarsa s-saħħa ta’ dawk kollha preżenti. Ringrazzjament speċjali żgur li jmur lejn il-benefatturi Ġużeppini li taw il-kontribut tagħhom sabiex il-vara tant għal qalbhom ta’ Missierna San Ġużepp, tkun lura fil-glorja kollha tagħha, kif tassew jixirqilha.