Matul l-aħħar snin, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji ħadem bla qatiegħ biex is-settur tal-volontarjat ikun aktar regolarizzat filwaqt li jkompli jgħin lill-Organizzazzjonijiet Volontarji kollha.
Dan l-Uffiċċju fi stqarrija saħaq li permezz tal-introduzzjoni tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja tal-Ġbir Pubbliku u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja tal-Ħwienet tal-Karità s-settur tal-volontarjat f’pajjiżna se jkun aktar regolarizzat u li se jissalvagwardja aktar l-Organizzazzjonjiet Volontarji u l-Ħwienet tal-Karità.
Bħalissa, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarji għaddej eżerċizju biex ikompli jikber id-Dipartiment tal-Ġbir Pubbliku u l-Ħwienet tal-Karità mil-lat tar-riżors uman. Prinċipalment, l-għan ta’ dan id-Dipartiment se jkun li tiżgura li l-attivitajiet kollha huma mmonitorjati, irreġistrati mal-Kummissarju għall-organizzazzjonijiet Volontarji u li huma kollha konformi mar-rekwiżiti tal-Liġi.
Fid-dawl li bħalissa għaddejja din il-ħidma fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, l-Organizzazzjonijiet Volontarji u l-Ħwienet tal-Karità se jingħatalhom iż-żmien meħtieġ sakemm ikun stabbilit fl-intir tiegħu dan id-dipartiment u biex tagħti ċans li l-Organizzazzjonijiet Volontari jkunu konformi ma’ dawn iż-żewġ Leġiżlazzjonijiet Sussidjarji għall-għajnuna tagħhom.
Indubjament, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji se jkun qed jgħin u jiggwida lill-Organizzazzjonijiet Volontarji kollha biex jimxu skont il-Leġiżlazzjonijiet imsemmija.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji tixtieq isserraħ moħħ l-Organizzazzjonijiet Volontarji li dawn il-Leġiżlazzjonijiet mhumiex se jxekklu mill-operat importanti li huma jofru. Għall-kuntrarju se jkunu qed jgħinu lill-Organizzazzjonijiet Volontarji jissuċċedu aktar fi trasparenza u konformità.
Dan ix-xogħol huwa frott ħidma konġunta bejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volintarji u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
//= $special ?>