Lokali Qorti

40 ġurnata ħabs wara li tlajjat għal skop ta’ postituzzjoni fil-Marsa

Żewġ żgħażagħ Maltin li jħaddmu lill-prostituti jitlajjaw fi Triq Troubridge, waqt li l-prostituta tfittex il-klijent

Mara ta’ 46 sena ġiet ikkundannata 40 ġurnata ħabs wara li nstabet ħatja mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li fit-2 t’Ottubru, 2019, għall-ħabta ta’ bejn it-8.15pm u d-9:00pm ġewwa Triq il-Belt il-Ħażna fil-Marsa, tlajjat jew għamlet biex tħajjar ghal skop ta’ prostituzzjoni jew għal skopijiet oħra immorali.

Il-Kuntistabbli Charlene Delia qalet fil-Qorti li dak inhar ħarget fuq ronda ma’ tliet Pulizija oħra bil-karozza tas-servizz ġewwa t-toroq tal-Marsa, sabiex issir spezzjoni rigward il-prostituzzjoni.

Meta għaddew minn Sqaq Sannat, kantuniera ma Triq Belt il-Ħażna, nnotat żewġ nisa li kienu lebsin ilbies provokanti. Hija waqfet lil dawn iż-zewġ nisa u talbithom id-dettalji personali tagħhom.

Hija tat lil dawn in-nisa struzzjonijiet sabiex jinġabru ġewwa d-dar tagħhom u ma jkomplux jitlajjaw fit-toroq. Waqt ir-ronda, ix-xhud innutat mara ohra fl-istess triq iktar il’ fuq ħierġa minn hanut. Din il-mara twaqfet mill-Pulizija u ntalbet tagħti ddettalji tagħha li rriżulta li kienet ċerta Sylvana Armeni.

Din ukoll ingħatat struzzjonijiet tinġabar id-dar tagħha u ġiet infurmata li kienu se jinħarġu akkużi fil-konfront tagħha. Din ix-xhieda kienet kollaborata minn Pulizija oħra li kienu qegħdin jagħmlu r-ronda.

Il-Qorti qalet li l-uffiċjali li xehdu ma ndikawx x’kienet liebsa l-imputata u li f’ dan il-każ ma hemmx dubju li l-post fejn instabet l-imputata, fit-2 t’Ottubru 2019 filgħaxija, hu post magħruf għall-prostituzzjoni.

Madankollu il-Qorti ma jirriżultalhiex x’kienet liebsa, għalkemm ġiet avviċinata mill-istess uffiċjali xhieda biex ma tibqax fl-istess post, u l-istess xhieda ma jindikawx lanqas jekk l-istess imputata meta mitluba biex titlaq u tmur lura fir-residenza tagħha effettivament telqitx jew le.

Triq Belt il-Ħażna, huwa post li magħruf għall-prostituzzjoni u dan skont diversi sentenzi tal-Qrati, kif ukoll, minn dak li jirriżulta mill-kondotta tagħha jidher li din mhux l-ewwel darba li tressqet il-Qorti fuq rapport li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istess akkużi ta’ prostituzzjoni.

Ghalhekk ghal dak li jirrigwarda tlajjar il-Qorti qalet li m’għandiex l-iċken dubju li Armeni kienet hemm f’dawk il-ħinijiet għal skop ta’ prostituzzjoni jew skopijiet immorali u xejn iktar.

L-imputata lanqas ma offriet spjegazzjoni għall-preżenza tagħha f’dak il-post f’dawk il-ħinijiet dak in-nhar. Għal dawn il-motivi hija nstabet ħatja. Dwar l- akkuża tar-reċidiva, l-Qorti eżaminat l-atti tal-proċess u jirriżulta li hemm ħames sentenzi esebiti, iżda l-ebda waħda minn dawn id-dokumenti ma huma awtentikati skont il-liġi. Ghalhekk l-akkuża tar-reċidiva ma tistax titqies bħala pruvata.

Dwar il-kondotta tagħha jirriżulta lil mill-2004 ‘l hawn hija nstabet ħatja mill-Qrati mhux inqas minn 11-il darba u parti sostanzjali minn dawn l-akkużi kienu proprju jirrigwardaw akkużi ta’ tlajjar għal skop ta’ prostituzzjoni jew ghal skopijiet immorali.

Jidher li nstabet ukoll ħatja ta’ pussess sempliċi ta’ sustanzi illeċiti, li saqet vetturi mingħajr liċenzja u li eżercitat jew kellha sehem f’burdell. Il-Maġistrat Farrugia Frendo qalet li l-Qrati dejjem imxew b’mod kajman magħha probabbilment biex jagħtu lill-imputata diversi tentattivi biex tipprova tirranġa ħajjitha, iżda l-imputata, almenu skont dak li jirriħulta mill-kondotta tagħha, baqgħet tippersisti f’ħajja kriminal,

Dan minkejja ċ-ċansijiet diversi li ngħatat tul is-snin. Għalhekk ma jistax ikun li l-imputata tibqa’ tagħmel li trid, ma tistax tibqa’ temmen li hi ‘l fuq mil-liġi u hemm bzonn li tifhem sew u serjament li ladarba tiżbalja se ssib l-id tal-ħaqq skont il-liġi.

Ghal din ir-raġuni l-Qorti m’għndha l-ebda triq oħra għajr li tinfliġġi piena ta’ priġunerija effettiva u wara li sabet lil Sylvana Ameni ħatja tikkundannha ghal perjodu ta’ 40 ġurnata priġunerija effettiva. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Robert Vella.