Huwa importanti li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jżomm kuntatti mal-Korpi Kistitwiti sabiex jisma’ t-tħassib u l-proposti tagħhom, għax l-Oppożizzjon hija l-Gvern Alternattiv.
F’laqgħa li saret il-Ħamis filgħodu, il-Kap tal-PN Bernard Grech irrikonoxxa l-ħidma importanti li qed tagħmel il-Kamra tal-Kummerċ, fejn qed toffri gwida u tagħti tama li flimkien nimxu ‘l quddiem fid-direzzjoni t-tajba fejn tidhol il-governanza tajba.
Hu qal li pajjiżna għandu jkollu proposti konkreti ghal wara l-Covid, għaliex minn issa pajjiżna jrid ikun preparat għal dak li se jseħħ wara li tgħaddi din il-pandemija.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb saħaq fuq l-importanza tas-sens ta’ solidarjetà għax b’hekk biss l-ekonomija tista’ timxi ‘l quddiem. Kien fid-dawl ta’ dan li l-Kamra tal-Kummerċ ħejjiet dokument dwar il-ħruġ ta’ tenders, direct orders u kuntratti mill-Gvern – xiri li kollu jithallas minn flus il-poplu.
Dan id-dokument, li ġie preżentat lill-Kap tal-PN, joffri diversi rakkomandazzjonijiet intenzjonati li jwasslu għall-bidliet li pajjiżna tant għandu bżonn.
Takkumpanja lil Bernard Grech għal din iż-żjara kien hemm id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia.