Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ordnat koppja mill-Kalkara tikkumpensa b’ammont ta’ €7,350 lill-koppja ġara wara li din kienet responsabbli tal-ħsarat li sofriet f’darha minħabba numru ta’ siġar, fosthom siġra tal-ewkaliptus.
il-Qorti qalet li seba’ siġriet mal-ħajt diviżorju tal-proprjetà li ġarrbet il-ħsara ma jirrispettawx id-distanza stabbilita skont il-liġi, u għalhekk għandhom jitneħħew b’mod li jkun jirrispetta d-distanzi stabbiliti mil-liġi.
Christopher u Kirste Naudi fetħu proċeduri kontra David u Domenique Inglott fejn ilmentaw li dawn ħawlu numru ta’ siġar viċin wisq tal-villa fejn joqgħodu fi Triq Wied Għollieqa, f’San Ġwann.
Huma qalu li s-siġar qed jikkawżaw ħsarat strutturali fid-dar tagħhom għax daħlu fil-katusi waqt li l-weraq li jaqgħu minnhom qed isoddu l-filters tal-pixxina u li waħda mis-siġar qed tmiss mal-cables tad-dawl u qed tikkawża periklu.
Min-naħa tagħha, il-koppja Inglott kkontestat dan il-fatt u ċaħdet li s-siġar qed jikkawżaw ħsara fil-villa tal-koppja Naudi. Wara li sema s-sottomissjonijiet tal-partijiet, kif ukoll periti nkluż dawk imqabbdin mill-Qorti, l-koppja Naudi ingħatat raġun u ġie konkluż li huwa minnu li l-għeruq tas-siġar ikkawżaw ħsara f’darhom.
Minbarra li ordna lill-koppja Inglott tagħti l-imsemmi kumpens, l-istess Imħallef ordnalha wkoll tneħħi s-siġar li jinsabu f’distanza mhux skont il-liġi u l-‘hoist’ li qed jikkawża inkonvenjent.
Ħareġ ukoll fil-Qorti li l-ħsara fil-pilastru tal-appoġġ ġiet ikkawżata minn pressjoni fil-ħamrija u mill-preżenza ta’ siġar fil-viċin, fejn saret ukoll ħsara fil-proprjetà fil-partijiet interni tagħha, bħall-konsenturi, tbajja’, u qsim fil-madum.
Huwa ordna wkoll lill-koppja li nstabet ħatja biex tiżbor is-siġra li l-friegħi tagħha li qed imissu mal-cables tad-dawl u wissiha li jekk ma tagħmilx dan ix-xogħol se jsir taħt id-direzzjoni ta’ perit u jkollhom iħallsu tal-ispejjeż. Din l-ordni trid tiġi fis-seħħ fi żmien xahar.
//= $special ?>