Coronavirus Lokali Saħħa

Il-każi ġodda jinżlu taħt il-100

Bejn l-Erbgħa u l-Ħamis f’pajjiżna nstabu 79 każ ġdid ta’ Covid-19 filwaqt li fiequ 144 mill-imxija. Aħbar tajba hi li l-każijiet attivi għalkemm għadhom fuq l-elfejn, niżlu għal 2,545.

Fatt ieħor pożittiv hu li fl-aħħar sigħat ma kellna l-ebda mewta, biex sa issa l-fatalitajiet kaġun tal-Covid f’Malta huma 273.

Il-każijiet totali minn Marzu ‘l hawn telgħu għal 18,385, filwaqt li n-numru ta’ dawk li fiequ mill-virus huwa dak ta’ 15,567.

Sa issa ingħataw 31,633 doża, filwaqt li 5,410 ingħataw it-tieni doża.

Infatti l-Gvern dwar it-tilqim laqa’ l-proposta tal-Partit Nazzjonalista biex it-tilqim tal-Covid jibda jsir fil-komunità. Dan bil-għan li jintlaħqu aktar nies, il-proċess ikun aktar efficjenti, u t’inqas skumdità…partikolarment għall-anzjani.

Il-Gvern ħabbar li se juża s-servizzi tat-tobba tal-familja u b’hekk jassigura ukoll aktar suċċess u effiċjenza; pass li se jittieħed wara l-proposta li tressqet mill-Covid Action Team tal-PN.

Dan it-Team tal-Partit Nazzjonalista qed iressaq proposti konkreti għall-immaniġġjar aħjar tal-pandemija. U din mhix l-ewwel darba li l-PN kien proattiv f’dawn l-aħħar xhur, inkluż meta ħareġ bil-kunċett li jitqassmu l-vouchers.