Ambjent Għawdex Lokali

Il-Moviment Graffitti jikkundanna l-qerda ta’ aktar art agrikola u l-iżvilupp bla rażan li qed ikerrah lill-Għawdex

l-Moviment Graffitti jikkundanna l-applikazzjoni għall-bini ta’ 71 appartament fuq erba’ sulari, 74 garaxx fuq żewġ livelli sotterranji, u pixxina komunali fin-Nadur, Għawdex (PA/00085/21). L-iżilupp li qed jiġi propost fi Triq il-Qortin qed jiġi ffaċilitat mill-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni li kien sar fl-2006, u parti minnu tinsab ’il barra miż-żona demarkata fejn hu permissibbli li jsir l-iżvilupp (ODZ). L-iżvilupp li qed jiġi propost huwa sproporzjonat b’mod esaġerat mal-binjiet l-oħra u jistona ħafna mal-madwar. Jekk tiġi approvata mill-awtoritajiet, binja daqstant kbira bla dubju se twassal biex din it-triq kwieta fil-kampanja tiġi ttrasformata mil-lejl għal nhar. Huwa ċar li dan l-iżvilupp qed jhedded li jkompli jeqred il-karattru rurali ta’ raħal Għawdxi li xi darba kien jista’ jissejjaħ raħal idilliku. Barra minn hekk, se jkun qed jeqred ukoll medda ta’ art agrikola li għadha tinħadem mill-bdiewa lokali, li se jispiċċaw biex jitilfu l-għajxien tagħhom u jaraw blokk ieħor konkrit minflok l-art li ilhom jaħdmu għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Mostrożità bħal din fir-raħal kwiet tan-Nadur se tkun qed tkerrah l-ambjent, mhux biss minħabba d-daqs sproporzjonat tal-binja iżda għax id-disinn tal-binja jistona ħafna mal-madwar. Il-blokk ta’ appartamenti se jkun qed jibla’ medda mdaqqsa ta’ art tar-raba’, u joħloq għadd ta’ probemi għar-residenti u għall-bdiewa li jaħdmu din l-art. Il-kumpless ta’ appartamenti se jwassal ukoll għal influss f’daqqa ta’ nies u żieda sostanzjali fl-istorbju, traffiku u bżonn ta’ spazji tal-parkeġġ fi triq pjuttost dejqa fejn il-parkeġġ diġà huwa problema. L-iżvilupp se jkun ukoll qed jirrestrinġi l-aċċess għall-Qortin, sit ta’ Natura 2000, li jinsab fit-tarf tat-triq. Barra minn hekk, dan l-iżvilupp enormi se jaggrava l-problema tad-drenaġġ peress li t-triq mhijiex imqabbda ma’ sistema tad-drenaġġ, u dan se jirriżulta f’ħafna aktar drenaġġ li se jispiċċa jmur fis-saff tal-ilma taħt l-art (water table), bi ħsara kbira għall-art agrikola.

Il-Moviment Graffitti jappella lill-Awtorita tal-Ippjanar biex tirrifjuta dan l-iżvilupp, li minbarra li se jikkontribwixxi biex ikompli jkerrah lil Għawdex, se jkollu wkoll impatt negattiv ħafna fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji li jgħixu f’din il-lokalità trankwilla u li se jkollhom isofru l-konsegwenzi ta’ żvilupp enormi ieħor f’nofs żona rurali. Ir-residenti qamu bi ħgarhom kontra dan l-iżvilupp u qed jitolbu lill-pubbliku biex jappoġġjahom f’din il-ġlieda. Residenti kemm Għawdxin kif ukoll Maltin xebgħu jaraw art agrikola tiġi mbiċċra minħabba r-regħba ta’ spekulatori bla skrupli biex minflokha jaraw meded ta’ tarmac u xi blokk ieħor tal-konkrit li ma jsarraf fl-ebda benefiċċju għall-komunità.

Il-Movimenti Graffitti jappoġġja bis-sħiħ lil dawn ir-residenti u jistieden lil residenti oħra biex isegwu l-eżempju tagħhom u jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-attakk fuq Għawdex.