Lokali Saħħa

Il-Partit Nazzjonalista f’solidarjetà mal-pazjenti bil-kanċer

Fil-jum dinji ddedikat għall-ġlieda kontra l-kanċer, il-Partit Nazzjonalista jrid li jwassal is-solidarjeta’ tiegħu lill-pazjenti kollha li jinsabu għaddejjin bil-kura għal din il-marda. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-familji tal-pazjenti filwaqt li jagħmillhom il-kuraġġ. Partikolarment matul dan iż-żmien diffiċli waqt il-pandemija tal-COVID-19.

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri jirrikonoxxi l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet mediċi tal-pazjenti kollha milquta bil-kanċer. Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-kanċer hija t-tieni kawża ewlenija tal-imwiet globali, u skont l-istess statistika tad-WHO, f’pajjiżna kull sena aktar minn 2,000 persuna jiżviluppalhom il-kanċer.

Għaldaqstant nibqgħu nenfasizzaw fuq il-ħtieġa ta’ kura iktar ħolistika u li jiżdiedu l-iscreenings għal tipi differenti ta’ kanċer, li sfortunatament jinsabu fuq quddiemnett fil-lista tal-kanċer.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-kura ħolistika għandha tiġi estiża bi trattamenti mediċi iżda wkoll bl-appoġġ psikoloġiku. Hawn bżonn aktar sapport psikoloġiku speċjalizzat għat-tfal li jkollhom il-kanċer, u appoġġ lit-tfal li xi ħadd mill-ġenituri tagħhom ikollhom il-kanċer.

F’dan il-jum dinji, l-PN jrid jirrigrazzja lill-professjonisti kollha f’pajjiżna li jaħdmu fil-qasam tal-onkoloġija u l-kura paljattiva, persuni dedikati li jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira. Jirringrazzja wkoll lill-għaqdiet kollha partikolarment lil Hospice Malta tax-xogħol siewi u s-sapport kollu li joffru lill-pazjenti u l-familji tagħhom.