Lokali Saħħa

Jitkeċċew numru ta’ ħaddiema

Net News huwa infurmat li kumpanija tal-farmaċewtika ssensjat numru ta’ ħaddiema klerikali. Sorsi qalulna li l-ħaddiema fid-dipartiment tal-“back-office” ingħataw l-aħbar dalgħodu għax allegatment il-kumpanija li għandha l-uffiċini f’Ħal Luqa se ċċaqlaq xogħol f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropeja.

Net News għamel kuntatt mal-President tal-Fergħa Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista Ivan Castillo li esprima s-solidarjeta’ mal-ħaddiema li qed jitilfu x-xogħol. Qal li kulħadd jirrikonoxxi li ninsabu f’nofs pandemija, huwa ta’ tħassib li r-rata tal-qagħad qed tkompli tikber f’setturi li m’humiex milquta mill-effetti tal-imxija.

Huwa qal li hemm bżonn investiment ikbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema biex tikber l-‘employability’ tal-Maltin u l-Għawdxin u nkunu nistgħu nattiraw iktar xogħol ta’ kwalita’ f’pajjiżna.