Lokali Qorti

Kellu 26 kundanna ta’ ħabs iżda rriforma ruħu u ngħata xogħol fil-kommunità

Raġel ta’ 45 sena li għandu kondotta ferma kulurita fejn kien ġie kundattat piena ta’ ħabs għal mhux anqas minn 26 darba, biddel ħajtu kompletament u rriforma ruħu bil-kbir ġie ordnat mill-Qorti jagħmel 300 siegħa xogħol fil-kommunità fuq serq li kien wettaq kważi 19-il sena ilu

Josef Sharfid ta’ li fil-perjodu li wettaq dawn ir-reati kellu 25 sena u li kien residenti l-Belt Valletta, instab ħati li fl-1 ta’ Ġunju, wara nofs in-nhar fi Triq R. Caruana Dingli, San Ġwann, ikkometta serq ta’ stereo tal-marka Pioneer minn karozza.

Huwa nstab ħati wkoll li fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi, laqa’ għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa,u li seta’ indaħal biex ibiegħhom. Instab ħati wkoll li għamel ħsara fil-karozza li seraq minnha tal-marka Pajero, liema hsara taqbeż Lm500 (€1,165) u li sar reċidiv b’għexieren ta’ sentenzi.

Mill-provi quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia rriżulta li persuna kien għamel rapport mal-Pulizija, li waqt li kien qiegħed San Ġwann daqqitlu l-alarm tal-karozza. Hu mar jiċċekkja, u sab persuna fil-karozza, li kien daħal billi kisser waħda mit-twieqi.

Il-persuna li kien fil-karozza ħareġ minnha, u telaq jiġri. Sid il-karozza ġera warajh u ġibidlu l-ġakketta, u din il-persuna waqgħalu l-istereo li kien qed iżomm fil-ġakketta. Il-Pulizija urew lil sid il-karozza diversi ritratti ta’ persuni suspettati li għandha, u l-vittma għaraf lill-imputat bħala l-persuna li daħallu fil-karozza.

Saret ukoll ‘identification parade’, fejn il-persuna misruqa reġa’ għaraf lill-imputat bħala l-persuna li daħallu fil-karozza. Il-kunsiderazzjonijiet dwar ħtija meħuda mill-Qorti qalet li se tiskarta l-istqarrija tal-imputat, peress li meta din ġiet rilaxxata fl-2001, il-liġi Maltija ma kinitx tippermetti li s-suspettat jikkonsulta ma’ avukat qabel l-interrogatorju.

Il-Qorti għamlet dan, in konformita ma’ diversi sentenzi tal-Qrati Maltin u tal-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti qalet li l-imputat għandu fedina penali raffrettarja b’għexieren ta’ kundanni, bil-maġġoranza tagħhom ta’ serq ikkwalifikat.

Huwa ingħata piena karċerarja xejn inqas 26 darba. Dan kien dovut għall-fatt li kellu problema akuta ta’ abbuż ta’ sustanzi illeċiti. Pero, jirriżulta li waqt dawn il-proċeduri, li parti sostanzjali tagħhom qattagħhom il-ħabs jiskonta diversi pieni ta’ priġunerija effettiva, l-imputat ha deċizjoni li jbiddel ħajtu u jirriforma ruħu.

Fil-fatt il-Psikjatra Joseph Spiteri kien xehed fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2014 li fl-għaxar snin preċedenti hu ra differenza kbira fl-imputat, u qal: “Iva d-differenza hija kbira fil-fatt għaliex jiena naf lil Sharfid fil-ħabs dejjem jaqla’ l-problemi u llum il-ġurnata qiegħed il-Forensi, u mhux għax qiegħed kwiet, għax il-kwiet nibzgħu minnu, imma qiegħed jikkopera mar-regoli u jġib ruħu ta’ nies u jifhem meta jiżbalja u mhux baqa’ impulsiv bħal ma kien.”

Mir-rapport verbali tal-Uffiċjal tal-Probation jirriżulta li għal xi żmien l-imputat kellu kuntatt mal-Aġenzija Sedqa, u kien beda wkoll programm residenzjali. L-imputat jgħid ukoll li għalkemm kien diffiċli, huwa waqaf ukoll jieħu l-methadone.

Fil-fatt, għalkemm ħareġ mill-habs fl-2017, iż-żewġ testijiet tal-urina li sarulu mill-Uffiċjal tal-Probation f’Settembru 2020 rriżultaw fin-negattiv għal sustanzi illeċiti. Għalhekk jidher li l-imputat baqa’ fit-triq it-tajba anke wara li ħareġ mill-ħabs, kif jirriżulta anke mill-fedina penali aġġornata tiegħu.

Ingħad ukoll li fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2013, l-Uffiċjal Prosekutur informa lill-Qorti li l-vittma tal-karozza kien ġie mħallas l-ammont kollu dovut lilu ta’ €1,270. L-Uffiċjal tal-Probation ikkonkluda li “mill-informazzjoni miġbura jidher li kif juru ċ-ċirkostanzi fil-preċent, Josef

Sharfid huwa idoneu għal ordni ta’ servizz fil-komunita.” Ghal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti filwaqt sabet lill-imputat ħati tal-imputazzjonijiet kollha kontra tiegħu.

Iżda fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet kollha, tpoġġa taħt Ordni ta’ Servizz fil-Komunità billi jagħmel xogħol bla ħlas ghal 300 siegħa f’dak il-post u skont l-arranġamenti li jsiru mill-Uffiċċju tal-Probation u Parole. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Zahra.