Lokali Qorti

L-Imħallef Zammit McKeon se jirtira bl-età x-xahar d-dieħel

L-Imħallef, Joseph Zammit McKeon se jkun qed jirtira bl-età nhar il-Ġimgha 19 ta’ Marzu 2021, fl-età tà 65 sena. L-ahhar udjenza tiegħu fil-Qorti se tkun lejliet għeluq sninu, l-Hamis 18 ta’ Marzu, 2021 fid-9.00 a.m.

Dakinhar huwa mistenni jaghti l-aħħar sentenzi u provvedimenti. Kien ix-xahar li għadda li l-Imħallef Zammit McKeon ħabbar pubblikament li kien se jirtira minn fuq it-tribuna tal–Awla 17, fejn ilu jservi għal tant snin.

Dak inhar il-membri tal-media, membri oħra ta’ kull sfera fil-qasam tal-liġi u l-membri tal-Kamra huma mistiedna li jattendu għal dan l-aħħar appuntant tiegħu bħala Imħallef, li kif stqarr hu hija okkażjoni ta’ għożża kbira.

L-ahhar udjenza tiegħu se tinżamm fl-Awla tal-Ġurijiet, u dan sabiex ikunu osservati aħjar il-prekawzjonijiet kontra l-pandemija tal-COVID-19. Fil-kuriduri tal-Qorti ,dawk li ħadmu miegħu, u ħafna oħrajn l-Imħallef Zammit McKeon huwa magħruf bħala bniedem ta’ rispett, rett u ta’ ħawtiel.

Iben il-mibkija Hugh u Helen nee’ Pollacco, L-Imħallef McKeon twieled il-Floriana fid-19 ta’ Marzu 1956. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-Iskola tas-Sorijiet ta’ St. Ġużepp tal-Apparizzjoni fi Blata l-Bajda u l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-Liċeo fil-Ħamrun, imbagħad ipproċeda għall-Higher Secondary fil-Belt Valletta. Wara kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta.

Wara li kiseb Diploma ta’ Nutar Pubbliku mill-Università ta’ Malta, iggradwa bħala Duttur tal-Liġi mill-istess Università fit-30 ta ‘Jannar 1982 b’teżi dwar “Il-Liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Huwa mexa għall-Avukatura fit-3 ta’ Marzu 1982 u serva primarjament bħala avukat fil-qasam tal-litigazzjoni sat-28 ta’ Jannar 2009 meta kien ħa l-ġuramentat bħala Imħallef tal-Qrati Superjuri. Huwa beda jservi wkoll fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u fil-Qorti tal-Appell Kriminali.

Fost diversi pożizzjonijiet li okkupa, kienu bħala President tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Huwa ġie kkonfermat f’dik il-pożizzjoni għal tliet mandati.

Bħala President tal -Kummissjoni, huwa attenda u pparteċipa attivament f’diversi konferenzi internazzjonali barra l-pajjiż. F’Malta indirizza seminars u għamel preżentazzjonijiet dwar temi speċifiċi relatati mas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u s-sigurtà.

Fl-2001 inħatar Chairman tal-Awtorità tat-Trasport ta’ Malta.Fl-2006 inħatar Chairman tal-Bord tal-Appelli dwar l-offerti tal-Kunsilli Lokali, kariga li żamm sakemm ġie msejjaħ biex jinħatar ġudikant.

Bejn l-1997 u l-2009 huwa ta konferenza dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u anke kien involut fiċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol ta ‘l-Università ta’ Malta. Bejn l -2005 u l – 2009 huwa ta konferenza dwar l – istess suġġett fil -Fakultà tal-Liġijiet tal-Università ta’ Malta. Huwa miżżewweġ lil Mary Anne née ’Attard u għandu tlett itfal.