Coronavirus Edukazzjoni Ekonomija Lokali Saħħa

“Lesti biex inkunu gvern alternattiv” – Bernard Grech

“Hemm bżonn riforma fil-qasam tal-edukazzjoni fejn it-tagħlim ma jkunx ibbażat biss fuq l–informazzjoni imma li l-istudenti jiffurmaw ruħhom bħala ċittadini aħjar għal pajjiżna.”

“Lit-tfal nagħtuhom l-opportunità li l-informazzjoni li jkollhom available, huma jiddiskutuha u allura hemmhekk ikunu qed jaħsbu fuq l-informazzjoni li qegħdin nagħtuhom.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal dan waqt li kien qed jieħu sehem f’inizjattiva li saret fejn il-pubbliku seta’ jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Kap tal-Partit fuq Facebook.

Dwar il-problema tal-kirjiet, il-Kap tal-PN qal li din hija sitwazzjoni delikata u li qed tinkwieta lil diversi persuni.. sitwazzjoni deskritta minnu stess bħala bomba soċjali tal-ħin.

“L-Oppożizzjoni qed issejjaħ lill-Gvern u qed nieħu pjaċir li l-Gvern ta każ, ghax aħna qed nagħmlu l-aġenda u l-Gvern qed isegwi ħalli nsibu soluzzjonijiet illum, jekk il-Gvern ma jsibhoms, l-Oppożizzjoni se tkun qed tindirizzaha.”    

Bernard Grech tkellem ukoll fuq ir-realtajiet li jgħaddu minnhom il-familji ta’ tfal b’diżabilità fosthom it-tħassib tagħhom li meta jiġu nieqsa jħallu lit-tfal warajhom. Għalhekk fid-dawl ta’ dan, huwa qal li l-Gvern għandu jagħmel iktar u jindirizza din il-problema attwali.

Dwar il-pensjonijiet, il-Kap tal-PN saħaq li huwa importanti li wieħed iħares lejn din is-sitwazzjoni b’mod miftuħ.

Nidejna proċess ta’ konsultazzjoni u l-PN se jkun fuq quddiem biex jagħti s-soluzzjonijiet anke fil-qasam tal-pensjonijiet.

Dwar is-sitwazzjoni tal-CVOID, Bernard Grech qal li din qed taffettwa lill kulħadd b’mod partikolari lill-anzjani li jinsabu fid-Djar tal-Anzjani fejn ilhom mifrudin mill-għeżiez tagħhom għal diversi xhur.

Dan il-Gvern jien nappellalu biex jara kif jiżdiedu servizzi ta’ sostenn anke psikoloġiku għal dawn l-anzjani jekk ma nistgħux insibu mezzi oħra kif għallinqas għal ftit mumenti nagħtuhom l-opportunità li joħorġu minn ġewwa d-djar tagħhom.”

Il-Kap tal-PN sostna li l-Partit Nazzjonalista qed iħejji pjan u proposti għal diversi setturi fosthom dak tal-enerġija b’diskussjoni kontinwa ma’ diversi entitajiet konċernati.

Qegħdin nimxu ‘l quddiem, se nibqghu nimxu ‘l quddiem u maħniex se naqtgħu qalbna għaliex meta inti tkun fuq in-naħa t-tajba, meta inti l-intenzjoni tiegħek huwa li tagħmel il-ġid, meta inti jkollok tim kumpatt u magħqud f’direzzjoni waħda kif qegħdin, allura hemmhekk se nagħmlu avvanzi kbar u se nkunu lesti biex inkunu Gvern alternattiv.”