Futbol Sport

Plejers u staff ta’ Sliema Wanderers ma jitħallsux

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-għada tar-riżenja uffiċjali tal-President ta’ Sliema Wanderers, Jeffrey Farrugia, il-plejers flimkien mal-kowċ Andrea Pisanu l-Ħamis wara nofsinhar tkellmu mal-midja dwar il-problemi finanzjarji li affaċja l-klabb matul dawn l-aħħar xhur.

Il-kowċ Andrea Pisanu faħħar lill-plejers tiegħu għal mod kif irreaġixxew f’din is-sitwazzjoni u qal li bosta plejers speċjalment il-barranin ħallew lill-familja tagħhom nieqsa minn neċissitajiet ta’ kuljum minħabba li ma kienu qed jitħallsu.

Pisanu qal kif kawża tas-sitwazzjoni finanzjarja ħażina li laqtet lill-klabb. uħud mill-plejers għenu lil sħabhom permezz ta’ vouchers, u xirjiet tal-ikel kif ukol għenuhom iħallsu neċissitajiet oħra. “Minkejja l-problemi qed nkomplu naħdmu u se nagħmlu minn kollox biex nilħqu l-miri tagħna”, żied jgħid Pisanu hekk kif fil-konklużjoni tiegħu qal li l-flus jistgħu jixtru ħafna affarijiet iżda ma tista tixtri r-rispett u d-dinjità tal-persuna.

Il-captain tat-tim Mark Scerri f’isem il-plejers sħabu tkellem dwar il-problemi li għaddej minnhom il-klabb fejn qal li fil-bidu tal-istaġun kien hemm ħafna wegħdiet li ma ġewx rispettati b’konsegwenza li ħafna plejers ma kellhom flus x’jibgħatu lill-familjari tagħhom. Scerri ukoll faħħar lil sħabu fejn minkejja l-problemi finanzjarji, xorta waħda taw l-100% fil-grawnd.

Aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet bosta plejers kienu tkellmu mal-MFPA fejn fi staqrrija qalu l-bosta plejers ma kienux qed ilaħħqu b’mod finanzjarju minħabba li ma kienux qed jitħallsu.