“Minn ‘demokrazija sħiħa’ taħt Gvern tal-PN għal ‘demokrazija difettuża’ taħt il-Labour”.
Din hi l-analiżi li toħroġ mill-Indiċi illi ġie preżentat mill-Economist Intelligence Unit Democracy – indiċi internazzjonali li jpoġġi lill-Gvern Malti fil-kategorija ta’ pajjiżi ‘b’demokrazija difettuża’ u juri li l-Gvern ta’ Abela waqa’ b’erba’ postijiet fil-klassifika ġenerali ta’ dan l-indiċi, bir-riżultati jiġu żvelati mill-gazzetta In-Nazzjon.
Mill-indiċi li ġie ppubblikat jirriżulta li fl-2020 Malta, taħt Gvern Laburista, niżlet mis-26 għat-30 post filwaqt li l-iskor miksub minn pajjiżna niżel minn 7.95 għal 7.68. B’dan l-iskor, għat-tieni sena konsekuttiva Malta tinsab fil-kategorija ‘flawed democracy’.
Is-sitwazzjoni ta’ Malta kif toħroġ mill-indiċi ta’ din is-sena tikkontrasta bil-kbir ma’ kif kienet fl-Indiċi fl-2012, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista meta Malta kienet meqjusa bħala demokrazija sħiħa u fil-klassifika ġenerali kienet fil-15-il post bi skor ta’ 8.28.
Dan kollu jfissier li fl-aħħar tmien snien taħt Joseph Muscat u Robert Abela, Malta niżlet 15-il post f’dan l-inċidi, mill-15 għat-30.
Riżultat bħal dan, ikomplu mar-riżultati negattivi li qed iġib il-Gvern Laburista, fejn fost l-oħrajn il-ġimgħa li għaddiet irċieva li riżultat li Gvern Laburista fit-tmexxija niżżel lil Malta wkoll fl-indiċi tal-korruzzjoni. Dan ifisser li Gvern immexxi minn Robert Abela ġab lil pajjiżna fl-agħar pożizzjonijiet kemm fl-indiċi tal-korruzzjoni u issa anki fl-indiċi tad-demokrazija.
Fl-istess perijodu kellna wkoll kundanna oħra għall-Gvern, fil-mod kif qed jiġi riċiklat l-iskart f’pajjiżna. Bit-tmexxija ta’ Kastilja tinqabad li qed twaddab il-plastik kollu fil-Magħtab, minflok tirriċiklah.