Kurżitajiet Lokali

X’qal Josie Muscat waqt PROFILI tat-Tnejn li għadda?

Huma ħafna li segwew il-programm PROFILI tat-Tnejn li għadda fejn għal din il-ġimgħa kellna mistieden lil eks Deputat Nazzjonalista Josie Muscat.

Fost il-ħafna rakkonti li qalilna Josie Muscat għamel referenza għal numru ta’ episodji fejn hu kien ġie msawwat fil-Parlament minn għadd ta’ Membri Parlamentari Laburista. Rakkont partikolari jgħid li x-xufier tal-ispeaker kien salvah milli jaqla aktar daqqiet u kif qal Muscat stess “qafilni fit-tojlit biex ma naqlax aktar”.

Josie tkellem magħna dwar it-terrur ta’ dak iż-żmien fejn fil-Parlament id-Deputati Laburista taw is-swat lil persuna li kien fil-visitors gallery għax qal xi ħaġa minn taħt. Josie jgħidilna wkoll li darba fil-Parlament l-eks Ministru Laburista Lorry Sant kien gidmu u kissirlu n-nuċċali għax ma qamx bilwieqfa

Bla ebda dubju wieħed mir-rakkonti li jispikka hu ta’ dak li ġara fiż-Żejtun, hekk kif kien sar attakk fuqu u fuq dawk li kienu miegħu f’residenza privata. Huma rnexxielhom jaħarbu iżda Josie Muscat b’dispjaċir jirrakonta kif dawk li kienu miegħu spiċċaw feruti, b’wieħed b’mod serju ħafna li kellu jitla’ l-Ingilterra għal intervent mediku. Illum dan il-persuna għadu bil-bullet f’rasu.

Fost l-oħrajn Josie jirrakonta dwar kif darba daħlulu fid-dar u “l-pulizija minflok proteġew lili kważi proteġew lil dawk li daħlu jtuni”.

Hemm ħafna aktar rakkonti li qalilna t-tabib Muscat fil-programm PROFILI iżda wieħed jista’ jara l-intervista kollha hawnhekk.

PROFILI kull nhar ta’ Tnejn fid-8.45pm fuq Net Television.