Internazzjonali

Covid-19: Il-Gvern Britanniku jiddefendi l-pjan biex in-nies li jaslu fir-Renju Unit minn barra jinżammu fi kwarantina fil-lukandi

Il-Ministru tal-Foreign Office tar-Renju Unit, James Cleverly, iddefenda l-pjan tal-Gvern tiegħu biex in-nies li jivvjaġġaw lejn pajjiżu jinżammu għal perjodu ta’ kwarantina speċifikat fil-lukandi. Intant, in-nies li jaslu fir-Renju Unit minn pajjiżi indikati bħala hot spots għall-varjanti tal-Covid-19 se jkollhom jibqgħu magħluqin fil-kmamar tal-lukandi għal għaxart iljieli – bid-direttiva se tidħol fis-seħħ mill-15 ta’ Frar.

Cleverly qal li ma jafx kemm-il lukanda se jkunu involuti f’din l-iskema – bil-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni itenni biex l-iskema tkun estiża għan-nies kollha li jivvjaġġaw minn barra lejn ir-Renju Unit u mhix biss għal xi pajjiżi.

Il-kriterji għall-kwarantina fil-lukandi qed ikunu introdotti bil-għan li l-awtoritajiet irażżnu l-firxa tal-varjanti ġodda tal-coronavirus li kienu identifikati għall-ewwel darba fl-Afrika t’Isfel u l-Brażil. Ix-xjenzati jemmnu li l-varjanti jistgħu jinfettaw aktar malajr lin-nies waqt li ‘jirreżistu’ l-effetti tal-vaċċini.

Ir-regoli, fl-istess ħin, jaffettwaw lir-residenti tar-Renju Unit u ċ-ċittadini Irlandiżi li jivvjaġġaw minn 33 pajjiż fuq l-hekk-imsejjaħ ‘red list’ – b’din il-lista, fost oħrajn, qed tkopri numru ta’ pajjiżi Latini Amerikani, l-Afrika t’Isfel, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Portugall.

Hu minnu li n-nies residenti f’dawn il-lokalitajiet kienu projbiti xorta waħda milli jidħlu fir-Renju Unit u għaldaqstant din hi r-raġuni għalfejn huma, għalissa, mhumiex affettwati mill-pjan għall-kwarantina.

L-aħħar rapporti qalu li l-lukandi qrib l-ajruporti fir-Renju Unit – fosthom Heathrow, Gatwick, London City,Birmingham, Bristol, Manchester, Edinburgh, Glasgow u Aberdeen — mistennija jkunu bukkjati għall-impenji tal-alloġġjar bħala kwarantina.

Sadanittant, l-akbar Stat tal-Awstralja – Western Australia — qed itemm ħamest ijiem ta’ lockdown minħabba l-effetti tal-Covid-19 wara li ma kienu rappurtati l-ebda każi ġodda fit-territorji tiegħu għal ħamest ijiem konsekuttivi.

Dan waqt li l-Kabinett tal-Awstralja deċieda biex ineħħi r-restrizzjonijiet temporanji għaċ-ċittadini Awstraljani li jirritornaw pajjiżhom minn barra sa min-nofs ta’ dan ix-xahar.

Il-Prim Ministru ta’ Western Australia, Mark McGowan, qal li l-belt ta’ Perth, il-kapitali tal-Istat u r-reġjun tal-lbiċ għandhom joħorġu mil-lockdown matul dan il-lejl — madankollu, l-awtoritajiet qed jirriservaw id-dritt li jirtiraw id-direttiva għat-tneħħija tal-lockdown f’sitwazzjoni ta’ ‘każijiet ġodda tal-virus qabel iż-żmien indikat għat-tmiem tal-miżura’.