Futbol Sport

Fit-23 ġurnata tal-Premier League Ingliż tispikka l-partita bejn Liverpool u Manchester City

(Ritratt: EPA)

F’dawk li bosta qegħdin isejħulha bħala l-aqwa rivalita’ li hemm bħalissa fil-Premier League Ingliż, Liverpool se jospitaw lil Manchester City, bit-tama li jnaqqasu id-distakk li hemm bejniethom fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Min-naħa l-oħra, għal Manchester City, rebħa tkun tfisser li jitilgħu waħedhom fil-quċċata u jħallu lil-Liverpool fir-raba’ post, b’10 punti differenza.

It-tim li jinsab fit-tieni post, Manchester United, se jkunu qegħdin iħarsu li jitilgħu jaqsmu l-ewwel post ma’ Manchester City momentarjament, meta s-Sibt filgħaxija jilgħabu kontra Everton f’Old Trafford. Wara l-iskor kbir li kisbu it-tim ta’ Solskjaer kontra Southampton, Everton se jkunu konxji mill-forma tajba li għaddejin minnha, sabiex joffru oppożizzjoni denja lir-Red Devils.

Fl-ewwel partita tat-23 ġurnata tal-kampjonat Ingliż, Arsenal se jmorru għand Aston Villa bit-tir li jiksbu tliet punti wara id-disfatta li kellhom fil-Molineux Stadium kontra Wolves fejn tilfu bl-iskor ta’ 2-1. Għal Aston Villa din il-partita se tkun importanti ukoll minħabba li fl-aħħar ħarġa tagħhom tilfu f’darhom kontra West Ham. Madanakollu Aston Villa jafu li jistgħu jerġgħu jwettqu sorpriża oħra hekk kif fil-partita preċedenti bejn dawn iż-żewġ timijiet, huma ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 fl-Emirates Stadium.

Wara tliet telfiet konsekuttivi, Tottenham Hotspur se jkunu qegħdin ifittxu rebħa kontra West Bromwich Albion, b’dawn tal-aħħar jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar bi 12-il punt biss. Min-naħa l-oħra Chelsea ta’ Tuchel, sejrin jilgħabu għand it-tim fil-qiegħ tal-klassifika Sheffield United, bit-tir li jiksbu it-tielet rebħa konsekuttiva taħt il-kowċ il-ġdid.

Il-partiti skedati huma : Is-Sibt; Aston Villa vs Arsenal, Burnley v Brighton, Newcastle v Southampton, Fulham v West Ham, Manchester United v Everton Il-Ħadd; Tottenham v West Brom, Wolves v Leciester, Liverpool v Manchester City, Sheffield United v Chelsea It-Tnejn; Leeds  v Crystal Palace