50 sena llu, Malta kienet lagħbet għall-ewwel darba kontra l-Ingilterra, f’partita kompetitiva, fl-iStadium tal-Gżira, quddiem attendenza kbira, fost l-akbar, jekk mhux l-akbar, li qatt kelna f’Malta għal partita futbol, ta’ madwar 30,000 ruħ. Dak in-nhar Malta tlifna 1-0 u lejn it-tmiem tal-partita konna kważi skorjana l-gowl tad-dro. Din il-ġimgħa stess, preċiżament nhar l-Erbgħa li għadda, 3 ta’ Frar, din il-partita tant memorabbli għat-tim nazzjonali Malti, għalqet 50 sena. Għalkemm jidher li ħafna ma ftakrux dan l-anniversarju, Replay ma jista’ jinsa qatt dawn id-dati u l-anniversarji ta’ partiti internazzjonali li maż-żmien kitbu l-istorja tal-futbol Malti.
Għaldaqstant illejla, f’programm ieħor tal-Ġimgħa filgħaxija mis-sensiela ‘Replay Preview’, u li tibda fid-9:30pm fuq Net Television, fost l-oħrajn se jkun qed jixxandar dokumentarju mill-aktar interessanti, riċerkat u maħdum bl-akbar dettall, li kien kiteb u ipproduċa l-ġurnalist sportiv veteran, u eks producer ta’ Replay fil-passat, Ġorg Micallef fl-2011 meta din il-partita storika għal Malta, kienet għalqet 40 sena. Dan id-dokumentarju hu wieħed uniku, filwaqt li jagħti rendikont u jwassal testimonjanzi mill-aktar interessanti, tal-plejers Maltin li kien lagħbu f’dik il-logħba, fosthom Joe Cini, Anton Camilleri u Willie Vassallo. Bla dubju dak tal-lejla hu programm li ħadd m’għandu jitlef, partikolarment minħabba l-kwalitá u t-tifkira sabiħa ta’ dan id-dokumentarju, li jirrakonta parti mill-istorja s-sabiħa ta’ Malta fix-xena tal-futbol internazzjonali.
F’Replay Preview tal-lejla, li bħal kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija jixxandar mill-istudio armat apposta fir-restorant popolari li jinsab fis-Saqqajja, Il-Veduta, se tkun qed issir rikapitulazzjoni ta’ dak kollu li seħħ matul ix-xahar ta’ Jannar, iġifieri fix-xahar tal-kampanja akkwisti tal-futbol Malti u li Replay hu magħruf tant għall-mod ta’ kemm iwassal l-aħħar aħbarijiet dwar dak li jkun qed jiġri u jseħħ fix-xena tat-trasferimenti, f’nofs staġun. Għaldaqstant f’Replay Preview tal-lejla, il-mistieden ta’ Christian Micallef se jkun l-editur tal-paġna ta’ Replay fuq Facebook, Matthew Mamo, li mingħajr ebda dubju hu l-aktar ġurnalist sportiv f’Malta li jsegwi u jirraporta f’dettal kull ma jkun qed jiġri u kull ma jkunu qed jagħmlu l-klabbs kollha f’Malta, mill-Kampjonat Premier sal-National Amateur League, f’Għawdex u saħansitra anke fil-Futsal, tul il-perjodu tas-suq tat-trasferimenti.
Sintendi waqt il-‘Friday Football Night Show’ ta’ Net Television, ikun hemm servizzi bil-filmati tal-partiti li kelna mill-Kampjonat Premier matul din il-ġimgħa, servizz bl-aħjar azzjonijiet mill-partita li tkun ntlagħbet illum fil-5pm, ċioé dik bejn Żejtun Corinthians u Birkirkara, kif ukoll ħarsa lejn il-partiti li huma skedati mill-Kampjonat Premier għal matul din it-tmiem il-ġimgħa.
Replay Preview hu l-programm kalċistiku ta’ Net Television tal-Ġimgħa filgħaxija, u li din is-sena qed jixxandar għas-sitt sena konsekuttiva. Dan il-programm jifforma parti mill-familja ta’ Replay, u wieħed mit-tliet programmi televiżivi li jipproduċu t-tim ta’ Replay kull ġimgħa fuq Net Television. It-tnejn l-oħra huma Replay Live Score u l-programm ta’ diskussjoni, Replay li jixxandru kull nhar ta’ Ħadd, wara xulxin, mit-8:30pm ‘il quddiem.
//= $special ?>